Editorjal | Deċiżjonijiet u stqarrijiet li ma jagħmlux sens

Serje ta’ dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet kontradittorji mill-Prim Ministru Robert Abela qed iqajmu mistoqsijiet serji dwar il-ġudizzju politiku u l-mod kif il-Gvern jikkomunika

Fl-aħħar ġimgħat u xhur rajna dikjarazzjonijiet li ma jagħmlux sens.

L-iktar każ reċenti seħħ dil-ġimgħa, meta l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li negozji b’illegalitajiet u sidien ta’ strutturi illegali setgħu japplikaw għal kumpens finanzjarju biex ikopru l-ħsara kkawżata mill-maltempata Harry. 

Din ovvjament ma niżlet tajjeb xejn, ħlief ma’ dawk li għandhom l-illegalitajiet. Il-Kamra tal-Kummerċ mill-ewwel ikkundannat dak li sejħet bħala normalizzazzjoni tal-illegalità u nuqqas ta’ rispett lejn dawk li ilhom snin joperaw skont il-liġi. Tkellem illum l-Eks Prim Ministru Laburista Alfred Sant.

L-Oppożizzjoni u NGOs ukoll ikkritikaw id-deċiżjoni, tant li l-Ħamis filgħaxija Abela kellu qal u speċifika li qal  li n-negozji li jkunu qed joperaw illegalment u li jixtiequ jibbenefikaw mill-fond ta’ Storm Harry ikollhom jirregolarizzaw ruħhom bħala kundizzjoni biex jirċievu l-għajnuna. 

Wieħed jistenna hawnhekk li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tagħtix xi preferenza għal dawn l-illegalitajiet.

Bi kritika anke minn ħdan il-Partit Laburista, li ma setgħux jifhmu kif ħadd ma nduna kemm stqarrija bħal din kienet ħa tintlaqa’ negattivament. 

Kien hemm mument ieħor meta l-Gvern irnexxielu jiggambetta lilu nnifsu fil-każ tal-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid. Kien il-Prim Ministru li ddeċieda li jiżvela fil-pubbliku li l-għażla tal-Gvern għal Prim Imħallef kienet l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Dan il-kalkolu mar żmerċ għax kienet ovvja li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet se tobżoq lil Scerri Herrera.

Scerri Herrera jidher li kienet verament l-għażla preferuta ta’ Abela, iżda bil-mod kif saret il-proposta, isem Scerri Herrera ġie eżkluż.

Il-Bord tal-Paċi huwa eżempju ieħor ta’ ġudizzju ħażin. Bħal donnu mhuwa xejn, Abela ħabbar każwalment li Malta kienet mistiedna ‘informalment’ biex tissieħeb fil-Bord tal-Paċi mniedi minn Donald Trump. Għal darb’oħra, Abela fajjar stqarrija fil-pubbliku, mingħajr ma ta kuntest, dettalji u spjegazzjoni ċara, ħlief li qal li kien diġà talab parir legali fuq il-vijabilità tas-sħubija. 

Ovvjament, din l-istqarrija qajmet plejtu sħiħ minn kull qasam tas-soċjetà. Kien hemm tentattiv minn ftit nies qrib Abela biex jippruvaw itaffu l-impatt ta’ dak li qal u Abela, meta reġa’ ġie mistoqsi fil-Parlament biex jispjega x’kien qed isir, ammetta li ma tantx kien hemm lok li Malta tissieħeb fil-Bord tal-Paċi wara kollox.

Kien hemm każijiet oħrajn li tefgħu dubji, bħar-Riforma tal-Ippjanar u anke l-imġiba ta’ Roderick Galdes, li spiċċa rriżenja minn Segretarju Parlamentari wara li saru pubbliċi dettalji dwar negozju suspettuż u rabtiet familjari li allegatament ġew vantaġġati b’xi deċiżjonijiet li ħa.

Wasal iż-żmien li jkun hemm aktar ċarezza fid-deċiżjonijiet.  

Abela jrid ikun aktar kawt fi kliemu … u aħna ċerti li għandu d-dixxiplina u l-maturità politika li jifhem li dawn it-tip ta’ episodji aħjar jevitahom milli jirreptihom.

More in Politika