Malta fil-Bord tal-Paċi?
Diversi figuri jitkellmu fuq jekk Malta għandhiex tissieħeb jew le fil-Bord tal-Paċi u x’riperkussjonijiet dan iġib miegħu
minn Ilenia Debono
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li Malta qed tikkunsidra tissieħeb fil-Bord tal-Paċi li ħoloq Donald Trump wara li rċeviet invit informali. Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ diversi nies, kemm fil-politika, u kemm attivisti fuq din il-biċċa.
Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis qal li kull pass li tagħmel Malta għandu jsir skont il-prinċipji u l-obbligi internazzjonali tagħna, waqt li tagħti messaġġ ta’ paċi. Zammit Lewis enfasizza li kull inizjattiva, inkluż din, tiġi evalwata bir-reqqa sabiex ma toħloqx dubji jew interpretazzjonijiet li jmorru kontra n-newtralità kostituzzjonali li Malta bniet il-politika diplomatika tagħha fuqha.
“Jiena dejjem nisħaq kemm Malta u barra, li l-Unjoni għandha, fil-kamp tal-politika barranija, tieħu pożizzjonijiet rapidi meta jkun meħtieġ u b’vuċi waħda,” qal Zammit Lewis meta mistoqsi fuq jekk din id-deċiżjoni tistax tipperikola r-relazzjoni ta’ Malta mal-UE.
Hu kkjarifika li hemm bżonn iżjed ċarezza fuq il-mandat u l-irwol ta’ dan il-bord sabiex inkunu ċerti jekk hux se jkunu ta’ benefiċċju għal Malta. Fl-istess ħin, Zammit Lewis qal li l-għan iddikjarat mill-bord stess huwa li jippromovi l-paċi iżda l-inizjattivi għandhom jikkumplimentaw u mhux idgħajfu istituzzjonijiet stabbiliti bħall-Ġnus Magħquda li huma ċentrali fl-ordni internazzjonali.
Il-Membru Ewroparlamentari Nazzjonalista Peter Agius qal li l-mexxejja Ewropej kollha rrifjutaw li jissieħbu f’dan il-bord, ħlief Vikor Orban. “Jekk trid il-paċi, inti tippromovi l-entitajiet internazzjonali, mhux toħroġ minnhom,” qal Agius fuq il-mossa ta’ Trump li joħroġ minn iżjed minn 60 organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, inkluż il-WHO; l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Agius wera t-tħassib tiegħu fuq dan il-bord li se jkun immexxi mill-President Amerikan li “qal seba’ darbiet li Greenland iridha għalih”, kif ukoll kellu pjanijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-istrippa ta’ Gaża. Hu staqsa jekk il-President Robert Abela għandux motivazzjonijiet ulterjuri sabiex jissieħeb f’dan il-Bord tal-Paċi u jkun viċin Donald Trump.
L-attivist voċiferu Andre Callus tkellem fuq din il-biċċa wkoll fejn qal li hi ta’ “weġgħa kbira tara lil Robert Abela u lil Ian Borg ibiddlu lil pajjiżna f’pajjiż bla sinsla, dejjem lest bi lsienu barra biex jilgħaq u minflok iġib ruħu b’dinjità,” b’referenza wkoll għan-nomina ta’ Donald Trump għall-Premju Nobel tal-Paċi mingħand Ian Borg.
Callus qal ċarament li għalih il-bord huwa kompost minn kriminali tal-gwerra, biljunarji u faxxisti fi struttura kolonjali, b’referenza għall-istruttura tal-Bord fejn ċerti pajjiżi se jkollhom poter iżjed mill-oħrajn. Hu semma l-pjan ta’ Trump sabiex l-Istrippa ta’ Gaża tiġi kkumerċjalizzata li tnaqqas il-kredibbilità tal-bord li hu ddeskrivieh bħala “ċorma kriminali”.
Fost il-Membri Parlamentari għad m’hemmx konsensus ċar. Id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut kien kawt meta qal li għad m’hemmx ħafna informazzjoni fuq l-għan tal-bord u x’obbligazzjonijiet se jkollha Malta jekk tissieħeb fih.
Mill-kamp Laburista, id-Deputat Roderick Galdes kien xettiku fuq il-bord fejn qal li Malta għandha tkun il-vuċi tal-paċi, mhux paċi li saret minn kunflitt. Id-delegat speċjali għall-Partit Laburista Jason Micallef qal li stedina mhux rabta. Hu qal li Malta m’għandhiex taċċetta din l-istedina waqt li qal li l-gvern “m’għandux għalfejn jagħti ossiġnu bla bżonn lill-avversarji politiċi tiegħu.”
