Jirriżenja l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Roderick Galdes

Ir-riżenja ġiet aċċettata

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, Roderick Galdes, irriżenja mill-kariga tiegħu, skont ittra li bagħat lill-Prim Ministru.

Fl-ittra tiegħu, Galdes qal li kien vittma ta’ “attakki sinkronizzati bil-għan li jeqirdu l-karriera politika tiegħi”, u sostna li dawn l-attakki kienu ta’ natura personali u anke mmirati lejn il-familja tiegħu.

Galdes iddikjara li jaf li huwa innoċenti u li jinsab “seren”, filwaqt li żied jgħid li ma jixtieqx li allegazzjonijiet li qed isiru jtellfu jew ixekklu x-xogħol tal-Gvern. Huwa qal ukoll li se jaħdem biex “il-verità kollha toħroġ fid-dawl” u biex ismu jiġi mnaddaf kompletament.

L-eks ministru tenna li d-deċiżjoni tiegħu ttieħdet fl-interess tal-istabbiltà u tal-ħidma tal-Gvern, filwaqt li wera fiduċja li l-proċess se jwassal biex tiġi stabbilita l-verità.

 

More in Politika