Dwar in-nomina ta’ Prim Imħallef ġdid, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qed jagħżel li jżomm kollox mistur mill-Grupp Parlamentari tiegħu u minflok qed jikkonsulta ma’ persuni fil-kamp legali li fil-passat kienu jimmilitaw bħala deputati tal-Partit Nazzjonalista.
L-ILLUM huwa infurmat li dil-ġimgħa ssejħet laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u fost it-temi fuq l-aġenda kien hemm proprju diskussjoni dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid.
Jirriżulta li l-Kap Nazzjonalista spjega xi kwalitajiet jixtieq li jkollha l-persuna li tiġi nnominata għal din il-kariga importanti fis-sistema ġudizzjarja, mingħajr ma rrefera għall-ismijiet li qed jiġu kkunsidrati.
Dan minkejja li huwa sigriet magħruf li l-Prim Ministru diġà informa lill-Kap tal-Oppożizzjoni bl-isem li biħsiebu jinnomina għall-Prim Imħallef ġdid, u li Alex Borg diġà wassal ir-reazzjoni tiegħu b’kontroproposta lil Robert Abela.
Id-deputati tal-Oppożizzjoni kienu qed jistennew li, fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, Borg jagħti dawn l-aġġornamenti li qed iseħħu bħalissa. Iżda minflok, wara introduzzjoni ħafifa min-naħa tiegħu, talab lill-membri parlamentari biex jgħidu l-ħsibijiet ġenerali tagħhom dwar din il-ħatra.
Huwa mifhum li Borg huwa konxju li din l-għażla tista’ tkun kwistjoni oħra li tifred lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u għalhekk mhuwiex jafda li jtella’ d-diskussjoni fuq dak il-livell.
L-ILLUM huwa infurmat li l-Kap Nazzjonalista qed iżomm infurmati bi wħud mill-iżviluppi lil żewġ deputati tal-fiduċja tiegħu biss, iżda l-aktar li qed jibbaża l-għażliet tiegħu huwa fuq taħditiet li qed ikollu ma’ avukati midħla tal-Partit Nazzjonalista anke jekk m’għadhomx deputati.
Fl-aħħar jiem dawn l-avukati kienu qed jiktbu messaġġi indiretti fuq il-mezzi soċjali tagħhom b’referenza għal din il-ħatra. Magħrufa fuq kemm huma voċiferi fuq is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, mhux eskluz li t-twemmin ta’ dawn il-persuni fil-kamp legali qed jirrifletti ruħu fil-pożizzjoni li qed jieħu l-Kap tal-Oppożizzjoni fit-taħditiet li qed ikollu mal-Prim Ministru.
Din is-sitwazzjoni tista’ ttawwal il-proċess biex il-Gvern u l-Oppożizzjoni jaslu għal isem li huwa aċċettabbli għaż-żewġ naħat u li kapaċi jġib l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti kif mitlub mill-Kostituzzjoni wara l-bidliet leġiżlattivi tal-aħħar snin.