L-ewwel stħarriġ tal-MaltaToday għal din is-sena juri li l-Partit Laburista (PL) jibqa’ jġorr vantaġġ ta’ tliet punti fuq il-Partit Nazzjonalista (PN).
Dan jirrappreżenta differenza ta’ madwar 9,262 vot fuq bażi ta’ turnout ta’ 81%. Fl-aħħar stħarriġ li sar f’Novembru, il-PL kien fuq quddiem b’vantaġġ ta’ 7,602 vot.
Minkejja din iż-żieda żgħira fil-vantaġġ tal-PL fuq il-PN, l-istħarriġ juri li l-livell ta’ fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela niżel minn 45.2% għal 41.3%. Madankollu, il-fiduċja fil-Kap tal-PN Alex Borg baqgħet kważi l-istess kif kienet f’Novembru (36%), waqt li dawk li ma jafdaw lil ħadd żdiedu bi 3%.
Dan jista’ jkun sinjal ċar li l-PN, minkejja l-ispinta inizjali li ħa wara l-elezzjoni ta’ Alex Borg bħala Kap, qed isibha diffiċli jkompli jikber. Fil-fatt, is-survey juri li l-PN ilu stabbli madwar 46% minn Ottubru.
L-istħarriġ juri wkoll li l-Partit Laburista mhux qed jirnexxilu jirbaħ lura votanti li kienu vvutawlu fl-2022 imma issa beħsiebhom ma jivvutawx. Filwaqt li 13.9% tal-votanti tal-PL fl-elezzjoni tal-2022 bħalissa m’għandhomx intenzjoni li jivvutaw, fost il-votanti tal-PN fl-istess elezzjoni huma biss 3.9% li beħsiebhom jagħmlu l-istess. Dan juri li l-PN qiegħed iżomm aktar mill-votanti tiegħu, waqt li l-PL għadu jaffaċċja sfida biex jerġa’ jirbaħ lura sezzjoni numeruża ta’ votanti tiegħu.
Madankollu, l-istħarriġ juri wkoll ċaqliq interessanti bejn il-partiti l-kbar. Waqt li 8.6% tal-votanti Laburisti fl-2022 beħsiebhom jivvutaw PN, 6% tal-votanti Nazzjonalisti issa beħsiebhom jivvutaw PL. Dan juri li l-PN qed jirbaħ iktar voti mill-PL milli qed jitlef, imma mhux f’ammonti li jistgħu jħeġġu d-dominanza tal-PL.
Is-survey jikkonferma l-frammentazzjoni tal-vot tal-partiti ż-żgħar; bl-ADPD u Momentum jattiraw 2.3% kull wieħed. Minkejja dan, il-partiti ż-żgħar flimkien jaqbżu l-5%.
B’mod ġenerali, il-bidliet minimi minn Novembru juru li l-PN waqaf jikber wara l-ispinta inizjali li ġab Alex Borg, filwaqt li l-PL jibqa’ fil-quċċata b’vantaġġ żgħir għax għadu ma rnexxilux jirbaħ lura lil dawk li kienu vvutaw lill-PL imma issa beħsiebhom ma jivvutawx.
L-istħarriġ juri wkoll li l-poplu għadu japprezza l-ħidma tal-Gvern li jingħata medja ta’ 3.2 punt minn massimu ta’ 5 punti.