L-iffriżar tal-assi tal-eks Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo m’għadux fis-seħħ.

Bartolo jgħid li l-iffriżar tal-assi tiegħu tneħħa, u jsostni li kien vittma ta’ attakk personali

F’post fuq Facebook nhar it-Tlieta, Bartolo laqa’ din l-aħbar bħala prova li kien fil-mira ta’ attakk personali minn xi ħadd li ried jagħmillu ħsara lilu u lill-familja tiegħu. Is-sena l-oħra, Bartolo tneħħa mir-rwol ta’ ministru u ġie eskluż mill-grupp parlamentari tal-PL wara ġimgħat li fihom iddomina l-aħbarijiet.

L-investigazzjoni tiffoka fuq tranżazzjonijiet li jammontaw għal madwar €50,000, imwettqa fuq perjodu ta’ sitt xhur minn kumpanija marbuta ma’ kuntrattur tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA).

Il-gazzetta oħt, MaltaToday hija infurmatha li Bartolo, permezz tal-avukati tiegħu, talab biex jitneħħa l-iffriżar tal-assi. L-ordni ma rċeviet l-ebda oġġezzjoni. Madankollu, l-iffriżar tal-assi impost fuq martu, Amanda Muscat, għadu fis-seħħ.

MaltaToday ġiet infurmata wkoll li l-investigazzjoni dwar allegati kickbacks ilha għaddejja għal madwar 18-il xahar, u ġew interrogati impjegati tal-Ministeru tat-Turiżmu kif ukoll persuni oħra li setgħu kienu jafu bl-allegazzjonijiet.

Bartolo ma setax jintlaħaq għall-kumment, filwaqt li l-avukat tiegħu rrifjuta li jikkummenta.

L-investigazzjoni tal-FIAU ffukat fuq ix-xogħol ta’ Muscat għal kumpanija assoċjata maċ-ċiklist Taljan Valerio Agnoli fl-2023. Fl-2021, Agnoli ġie ingaġġat mill-MTA biex jippromwovi t-turiżmu marbut maċ-ċikliżmu, u fl-2023 ġie formalizzat ftehim annwali ta’ €20,000.

Amanda Muscat bdiet taħdem ma’ kumpanija marbuta ma’ Agnoli fl-2023, 18-il xahar wara li telqet mir-rwol tagħha ta’ konsulenta fil-ministeru, li kien ġie meqjus bħala mhux ġustifikat, u temmet dan l-impjieg f’Diċembru.

Fl-2024, Bartolo nstab ħati ta’ ksur tal-etika meta impjega lil Amanda Muscat, li dak iż-żmien kienet il-ħabiba tiegħu, bħala konsulenta minkejja li ma kellhiex kwalifiki.

Investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards uriet li Amanda Muscat ġiet promossa minn segretarja privata għal konsulenta tal-politika fil-Ministeru tat-Turiżmu minkejja li ma kellhiex għarfien speċjalizzat jew kwalifiki biex twettaq ir-rwol il-ġdid.

More in Politika