Minkejja sentiment pubbliku u dwejjaq anke minn kunsilli lokali Laburisti dwar deċiżjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità kompliet bil-missjoni tagħha li toħroġ permessi anke għal dawk il-proġetti kontroversjali. Anzi kif qal Ministru partikolari lil din il-gazzetta: “Qed tagħmel minn kollox biex tagħmel l-oppost.”
Dan joħroġ ċar minn numru ta’ permessi kontroversjali ħerġin li jinjoraw kompletament l-interessi tal-komunitajiet u jagħtu kas biss l-interess tal-iżviluppatur. L-istess ministru qal: “Biex tinbidel il-mentalità, irid ikun hemm direzzjoni ċara minn fuq, kulħadd qed jibża’ jgħid li huwa l-Prim Ministru Robert Abela li jrid isemma leħnu u jġiegħel lill-Awtorità tkun konxja mid-deċiżjonijiet tagħha.”
F’dawn l-aħħar ġimgħat kienu bosta ministri u sindki Laburisti li ħarġu fil-miftuħ jitkellmu fuq żvilupp fl-irħula tagħhom. Imma l-biċċa l-kbira kienu attenti kif jitkellmu u li ma jippuntaw l-ebda suba’ lejn ħadd.
Imma fil-privat meta kellmu lil din il-gazzetta, qalulna li hemm rabja kbira mal-kostitwenti tagħhom. “In-nies mhumiex ċwieċ, jafu li l-vera problema qiegħda f’ħoġorna. Jekk l-Awtorità tal-Ippjanar tibqa’ tieħu n-naħa tal-iżvilupp, m’hemmx tama. Qed jistennew azzjoni minna bħala Gvern (Laburista).”
Safrattant f’intervista fuq Xtra, l-Eks Ministru u Deputat Parlamentari Carmelo Abela, qal li l-vera problema hija l-interpretazzjoni tal-policies, u qal ukoll li dak li ntqal dwar l-identità u s-separarazzjoni tal-irħula f’Għawdex tista’ faċilment tiġi applikata għal Malta.