Mhux kumbinazzjoni li veterani Laburisti, inklużi eks ministri u deputati parlamentari Laburisti, qed ikunu voċiferi dwar żvilupp propost skont il-policies tal-ippjanar fil-qalba ta’ fortizzi Laburisti. Wieħed irid jara jekk dan l-aġir hux se jwassal għal xi azzjoni konkreta min-naħa tal-Prim Ministru Robert Abela.
Dan seħħ f’żewġt irħula, dak ta’ Ħaż-Żabbar u taż-Żejtun, fejn personalitajiet bħall-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana u d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba, l-Eks Deputat Mexxej Chris Fearne, u d-Deputati Edward Zammit Lewis u Carmelo Abela semmgħu leħinhom kontra żvilupp propost fiċ-ċentri storiċi ta’ dawn iż-żewġt irħula.
Iżda l-għajta tagħhom tirrifletti rabja ferm aktar wiesgħa lejn il-kostruzzjoni li qed toħnoq lil Malta u Għawdex kollu, inkluż irħula fejn m’hemmx maġġoranzi Laburisti.
Minkejja li l-esponenti wrew it-tħassib tagħhom pubblikament, mhuwiex magħruf jekk dawn hux beħsiebhom jagħmlu pressjoni fuq il-Prim Ministru Robert Abela biex jieħu miżuri konkreti ħalli jiġu mħarsa ċ-ċentri storiċi permezz ta’ liġijiet ġodda tal-Ippjanar. F’kull sondaġġ, inkluż ta’ Marmara li huwa kkunsidrat bħala viċin il-PL, jidher li t-tħassib ewlieni fost il-pubbliku huwa dwar il-kostruzzjoni u l-ambjent.
Turi wkoll li l-proposta għar-riforma fil-liġijiet tal-ippjanar kienu definittivament kontra dak kollu li kien hemm bżonn isir. Il-proposti kienu kkunsidrati bħala rigal lil min jiżviluppa u huwa involut fil-kostruzzjoni. U l-ambjentalisti u s-soċjetà ċivili kienu tkellmu apertament kontra l-gvern dwar din ir-riforma.