Il-PL jikkritika lill-PN hekk kif Bencini ma jafx isem l-awditur

Il-Partit Laburista jsostni li l-Partit Nazzjonalista jinjora u jikkontradixxi l-istatut tiegħu stess wara li Graham Bencini, li huwa president tal-Kunsill Amministrattiv tal-partit, jgħid li ma jafx min hu l-awditur responsabbli biex jeżamina l-kontijiet finanzjarji

Ritratt: James Bianchi/Illum
Ritratt: James Bianchi/Illum

Il-Partit Laburista akkuża lill-Partit Nazzjonalista li issa “qed jinjora u jikkontradixxi” l-istatut tiegħu stess, fid-dawl ta’ rivelazzjonijiet li l-president tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN, Graham Bencini, ma jafx min hu l-awditur inkarigat mill-verifika tal-kontijiet finanzjarji tal-partit — minkejja li dan huwa kompitu li l-istatut jgħid li għandu jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Il-PL irrimarka li skont il-paragrafu 71 tal-istatut tal-PN, “il-Kunsill Amministrattiv għandu jaħtar ukoll Awditur Estern li jkun holder ta’ warrant skont l-Accountancy Profession Act biex jivverifika l-kontijiet tal-partit.” Madankollu, skont il-midja Laburista, Bencini ma setax isemmi jew jindika min hu dan l-awditur.

Filwaqt li jikkummenta fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN, il-Partit Laburista sostna li din qiegħda tkompli tikxef dak li sejjaħ “il-kulur veru” tat-tmexxija Nazzjonalista fil-Kwartier Ġenerali.

Il-PL staqsa kif il-pubbliku jista’ jafda li Gvern immexxi mill-PN se jwettaq dak li jwegħed, meta — skont l-argument tiegħu — il-partit ma jistax lanqas josserva l-istrutturi interni tiegħu jew jagħti kas tar-regoli statutorji tiegħu stess.

Il-kontijiet finanzjarji tal-PN għadhom ma tħabbrux, minkejja l-wegħda tal-Kap Eżekuttiv tal-partit, Sabine Agius Cabourdin, li dawn kellhom jiġu ppubblikati sa Novembru. Il-Kap tal-PN kien wiegħed ukoll li jippubblika l-kontijiet fi żmien l-ewwel 100 jum tat-tmexxija tiegħu, bl-uffiċjali tal-partit għadhom jinsistu li l-wegħda għad trid titwettaq.

More in Politika