L-inċident ta’ nhar it-Tnejn fl-iskola għandha sservi bħala sejħa kollettiva biex nintebħu, qal id-dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni, Colin Calleja.
“Il-vjolenza m’għandhiex post fi skejjelna, u kull istituzzjoni involuta fit-trobbija u l-protezzjoni taż-żgħażagħ għandha responsabbiltà kondiviża: l-iskejjel, il-familji, l-awtoritajiet u s-soċjetà usa’. Is-sigurtà fl-edukazzjoni ma tistax titħalla fl-iskejjel biss; teħtieġ impenn koordinat u sistemiku,” qal Calleja.
Huwa qal li minflok nirreaġixxu b’għoti ta’ ħtija u firda, in-nies għandhom jappellaw għall-għaqda, il-kura u kollaborazzjoni deċiżiva.
“L-inċident poġġa pressjoni straordinarja fuq l-istaff u l-mexxejja tal-iskola. L-għalliema u l-amministraturi issa qed jiffaċċjaw mhux biss l-impatt emozzjonali tal-avveniment iżda wkoll ir-responsabbiltà li jassiguraw lill-familji u jżommu klimat skolastiku sigur. Huma jistħoqqilhom l-appoġġ tagħna kollu, mhux kritika. Huwa essenzjali li nagħrfu li l-iskejjel, u dawk li jmexxuhom, ikomplu jaħdmu bla heda biex iżommu ambjenti ta’ tagħlim siguri, minkejja realtajiet soċjali dejjem aktar kumplessi,” qal Calleja.
Id-dekan faħħar ukoll ir-reazzjonijiet “kalkolati u responsabbli” tal-unjins.
“L-appell tagħhom għall-kalma, l-insistenza tagħhom fuq informazzjoni verifikata, u l-enfasi tagħhom fuq it-tisħiħ tal-protokolli tas-sigurtà jirriflettu professjonalità u rispett lejn kulmin involut. F’mumenti meta l-biża’ u l-emozzjoni jistgħu malajr jisfaw dominanti fil-konverżazzjoni pubblika, is-sens ta’ miżura u l-għaqal tagħhom servew bħala ankra meħtieġa ħafna,” qal.
Il-fakultà qalet ukoll li tinsab f’solidarjetà mal-edukaturi u l-familji affettwati mill-inċident.
Nhar it-Tnejn, Malta qamet b’xokk meta seħħet ġlieda b'sikkina fl-iskola l-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke. Il-vittma tinsab f’kundizzjoni stabbli, u l-aggressur kien qed jiġi mistoqsi mill-pulizija.