Din kollha fażulla: Il-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife fuq id-deroga għal skopijiet ‘xjentifiċi’
Il-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife Mark Sultana jgħid li l-insib jintuża bħala karotta għan-nassaba
minn Ilenia Debono
Il-Kap Eżekuttiv tal-Birdlife Mark Sultana qal li d-deroga għall-insib għall-għasafar tal-kaċċa hija kollha messanxena hekk kif id-data tal-BirdLife stess turi li dawn l-għasafar mhux qed jinħelsu.
F’notifika formali li ntbagħtet lil Malta lbieraħ, il-Kummissjoni qalet li d-deroga li għall-insib tal-għasafar tal-għana bl-għan ta’ riċerka xjentifika li ġiet addottata fis-17 ta’ Ottubru ta’ din is-sena “ma tissodisfax għan ġenwin għar-riċerka.” Fl-istess notifika, il-Kummissjoni qalet li din id-deroga hija kważi l-istess għal deroga oħra li ġiet annullata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. L-istess qorti li għal darba darbtejn iddeċidiet li d-derogi annwali ta’ Malta għall-insib jiksru l-liġi tal-UE fl-2018 u fl-2024.
Sultana tkellem fuq l-istorja tad-derogi għall-insib f’Malta hekk kif meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea uffiċjalment hija ffirmat ftehim li l-insib għall-għasafar tal-għana għandu jibda jieqaf bil-mod fuq perjodu ta’ ħames snin u wara minflok jidħol programm ta’ captive breeding.
Madankollu, snin wara, Malta kien hemm l-idea li jerġa’ jinfetaħ l-insib kontra dan li ftiehem u kontra d-Direttiva Ewropea tal-Għasafar. Kien hawnhekk li nfetħu infringement processes kontra Malta fejn Malta nstabet ħatja li qed tuża din id-deroga żbaljata u l-insib kellu jieqaf.
“Minflok il-gvern aċċetta s-sentenza, ipprova juża deroġa bi skop xjentifiku imma skont id-data tagħna turi biċ-ċar li din kollha messanxena, u l-UE fetħet infringement process ieħor,” spjega Sultana.
Il-President tal-għaqda qal li l-partiti politiċi matul l-istorja u anke issa “taw il-karrotta” lin-nassaba li jaħsbu li jistgħu jkomplu jonsbu minflok għarfuhom li ċ-ċans li l-insib f’Malta jkompli huwa remot. Hu ta parir lill-gvern li jevita aktar spejjeż u jagħlaq l-istaġun tal-insib.
“Aħna ħa naħdmu kemm mal-gvern u anke mal-UE biex nassiguraw li Malta tkun responsabbli għal għemilha, b’mod ettiku u b’mod legali lejn id-Direttiva [Ewropea] tal-Għasafar li huma wkoll miktubin fil-liġijiet nazzjonali,“ stqarr Sultana.
L-għaqda ambjentali BirdLife Malta qalet li hi laqgħet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li se tara proċedura ġdida ta’ ksur kontra Malta fuq id-deroga għall-insib tal-għasafar tal-għana.
“Għaldaqstant ikun għaqli li jitwaqqfu dawn l-istaġuni ta’ paraventu għall-insib, b’rispett lejn il-komunità xjentifika ta’ Malta, li jistħoqqilha reputazzjoni ferm aħjar, u biex ma jibqgħux iżebilħu isem Malta quddiem il-Kummissjoni Ewropea,” qalet l-għaqda fi stqarrija nhar is-Sibt filgħodu.
Il-BirdLife enfasizzat fuq il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li issa kkonfermat li l-insib għall-għasafar tal-għana mhuwiex riċerka kredibbli, hekk kif il-Kummissjoni qalet li d-deroga tfalli f’diversi punti. Huma qalu wkoll li d-deroga stess ma turix soluzzjonijiet sodisfaċenti u anqas tinkludi miżuri ta’ infurzar adegwati, xi ħaġa li l-BirdLife ilha tagħfas fuqha.
“Issa li Malta ngħatat xahrejn biex twieġeb lill-Kummissjoni Ewropea, BirdLife Malta tħeġġeġ lill-Gvern biex jissospendi minnufih id-deroga u jirrispetta kemm l-ittra kif ukoll id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar,” appellat l-għaqda ddedikata għall-protezzjoni tal-għasafar u l-abitati tagħhom.
