Is-Satira Politika: libertà tal-espressjoni jew attakk?

Politikanti u kummentaturi jirreaġixxu għall-karikatura tal-gazzetta ILLUM tal-ġimgħa l-oħra 

Kien hemm numru kbir ta’ nies li kellhom reazzjoni estrema għall-karikatura u l-editorjal ta’ din il-gazzetta tal-ġimgħa l-oħra li kien jittratta l-każ tan-National Bank u l-irwol li kellu l-Eks Prim Ministru Dom Mintoff fl-għeluq ta’ dan il-bank.  

Fost dawn ir-reazzjonijiet kien hemm ta’ ċertu ministru, deputati u esponenti Laburisti inkluż tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabli Roderick Galdes. Dawn, flimkien ma’ numru ta’ nies oħra, interpretaw l-editorjal u b’mod speċifiku l-karikatura bħala attakk li “jiddemonizza” lil Mintoff.  

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-kittieb u eks ġurnalist Teo Relijc fuq din il-kwistjoni, fejn qal li fl-opinjoni tiegħu dak li ntqal fuq il-karikatura mhuwiex attakk fuq il-libertà tal-espressjoni, imma xorta għandu effett kbir. 

“Wieħed irrid jikkonsidra l-piż kulturali li għandhom il-politikanti, u l-abiltà tagħhom li jinfluwenzaw l-opinjoni tan-nies,” spjega Reljic. 

Hu qal li dan ma jfissirx li l-politikanti m’għandhomx jitkellmu fuq kwalunkwe kwistjoni imma għandhom jitkellmu b’ċerta attenzjoni għall-impatt li jista’ jħalli l-kliem tagħhom u kif ipinġu ċerti sitwazzjonijiet.  

Lil hinn minn dan il-kuntest, Reljic qal li hemm diskussjoni wkoll fuq kif il-midja soċjali bidlet dan it-tip ta’ diskors, hekk kif id-distinzjoni bejn post normali u stqarrija uffiċjali m’għadhiex ċara.  

Reljic imbagħad daħal fid-detall rigward x’jiġri meta s-satira politika – f’dan il-każ il-karikatura ta’ gazzetta – tiġi attakkata minn membri tal-Kabinett. Hu beda billi qal li wieħed irid jikkonsidra kif kull interazzjoni li seħħet f’din il-kwistjoni jaqgħu taħt libertà tal-espressjoni. “Is-satirist tħalla jagħmel xogħlu u l-politikant tħalla jirrispondi.” 

Minn aspett ta’ mekkaniżmi legali, Reljic qal li għandu jkun hemm iżjed enfasi fuq il-“kotra diġitali” miż-żewġ naħat tal-ispettru politiku sabiex jew isikktu jew jeskalaw is-sitwazzjoni. Il-kittieb qal li għalhekk l-attenzjoni għandha tkun fuq li ħadd ma jipprova jsikket il-libertà tal-espressjoni ta’ kwalunkwe naħa. 

Il-gazzetta tkellmet ukoll mal-ġurnalist veteran u xandar Peppi Azzopardi fuq il-biċċa li qal li ma jeżistix id-dritt tal-istampa mingħajr id-dritt li toffendi. Hu qal li kulħadd għandu d-dritt li joffendi, u kulħadd għandu d-dritt li jieħu l-offiża, bħal kif min għamel il-karikatura kellu d-dritt joffendi u kull min irreaġixxa kellu dritt jirrispondi. Azzopardi ta l-eżempju ta’ meta ċerti nies fil-PL kienu qalu li Mintoff kien traditur u li kien hemm ħafna Mintoffjani li ħadu għalihom, “imma dik hi l-libertà tal-espressjoni.” 

Għalhekk, Azzopardi kkonkluda li meta wieħed jiġi attakkat, m’għandu jiġri xejn ta’ barra minn hawn, għax anke nies fil-kabinett għandhom id-dritt li jattakkaw karikatura, anke jekk għalih “l-attakk ikun patetiku. Jekk tieħu għalik minħabba karikatura, għandek problema serja.” 

Meta l-eks editur tal-gazzetta L-Orizzont Frans Ghirxi ntalab jgħaddi kumment fuq il-karikatura, huwa rrifjuta u qal li mhux interessat jikkummenta. 

More in Politika