L-għaqda ambjentali BirdLife Malta qalet li hi laqgħet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li se tara proċedura ġdida ta' ksur kontra Malta fuq id-deroga għall-insib tal-għasafar tal-għana.
F'notifika formali li ntbgħatet lil Malta, il-Kummissjoni qalet li d-deroga li għall-insib tal-għasafar tal-għana bl-għan ta' riċerka xjentifika li ġiet addottata fis-17 ta' Ottubru ta' din is-sena "ma tissodisfax għan ġenwin għar-riċerka." Fl-istess notifika l-Kummissjoni qalet li din id-deroga hija kważi l-istess għal deroga oħra li ġiet annullata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. L-istess qorti li għal darba darbtejn iddeċidiet li d-derogi annwali ta' Malta għall-insib jiksru l-liġi tal-UE fl-2018 u fl-2024.
"Għaldaqstant ikun għaqli li jitwaqqfu dawn l-istaġuni ta' paraventu għall-insib, b'rispett lejn il-komunita' xjentifika ta' Malta, li jistħoqqilha reputazzjoni ferm aħjar, u biex ma jibqgħux iżebilħu isem Malta quddiem il-Kummissjoni Ewropea," qalet l-għaqda f'stqarrija nhar is-Sibt filgħodu.
Il-BirdLife enfasizzat fuq il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li issa kkonfermat li l-insib għall-għasafar tal-għana mhuwiex riċerka kredibbli, hekk kif il-Kummissjoni qalet li d-deroga tfalli f'diversi punti. Huma qalu wkoll li d-deroga stess ma turiex soluzzjonijiet sodisfaċenti u anqas tinkludi miżuri ta' infurzar adegwati, xi ħaġa li l-BirdLife ilha tgħafas fuqha.
"Issa li Malta ngħatat xahrejn biex twieġeb lill-Kummissjoni Ewropea, BirdLife Malta tħeġġeġ lill-Gvern biex jissospendi minnufih id-deroga u jirrispetta kemm l-ittra kif ukoll id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar," appellat l-għaqda ddedikata għall-protezzjoni tal-għasafar u l-ħabitati tagħhom.