Ryan Callus mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li ġejja, se jingħaqad mat-tim tal-kampanja elettorali tal-PN

Il-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni Ryan Callus mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li ġejja, u kkonferma li se jingħaqad mat-tim tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

(Ritratt: Ryan Callus/Facebook)
(Ritratt: Ryan Callus/Facebook)

Il-Membru Parlamentari u Inġinier Ryan Callus ħabbar li mhux se jikkontesta għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, u kkonferma mal-gazzetta oħt MaltaToday li se jissieħeb fit-tim tal-kampnja elettorali tal-PN. Hu sostna li d-dettalji speċifiċi dwar ir-rwol il-ġdid tiegħu se jiġu mħabbra aktar ’il quddiem.

F'post fuq Facebook, Callus irringrazzja lil dawk li vvutawlu matul it-tliet leġiżlaturi li serva fihom.

“Matul dawn is-snin kelli l-unur inkun kelliem fuq diversi portafolli: l-ippjanar, l-artijiet, l-ambjent, l-isport, l-infrastruttura, l-enerġija, u issa d-djalogu soċjali u l-promozzjoni tal-kummerċ. Wieħed mill-ikbar mumenti ta’ sodisfazzjon tiegħi kien meta ppubblikajt l-Istrateġija tal-Enerġija ta’ Malta għal 30 sena — biċċa xogħol li emmintu fiha ħafna. Grazzi speċjali lil dawk il-professjonisti u esperti u ħbieb li selliftuni l-għerf u l-ħin tagħkom volontarjament, biex stajt naqdi l-portafolli kollha li fdawni bihom.”

Fl-2013, Callus ġie elett fuq is-Sitt Distrett meta kiseb 1,595 vot fuq l-ewwel għadd, u eventwalment ġie elett fuq l-għadd 11 bi 3,916 vot. Fl-2017, kiseb 4,570 vot fuq l-ewwel għadd u ġie elett fuq is-Sitt Distrett. Fl-2022, ġie elett kemm fuq is-Sitt kif ukoll fuq is-Seba' Distrett.

"Il-politika dejjem poġġejtha qabel il-professjoni tiegħi ta’ Inġinier, qabel il-passatempi tiegħi u saħansitra xi drabi sfortunatament qabel il-familja. Issa wasal iż-żmien li nagħtihom iktar spazju. Dan ma jfissirx li qed ngħid addiju — għaliex il-valuri u l-passjoni għal pajjiżi jibqgħu. Se nibqa’ naqdi lill-Partit Nazzjonalista u naħdem mill-qrib ma’ Dr Alex Borg, li nemmen fih bis-sħiħ u li qiegħed jagħti tama ġdida lil Maltin u l-Għawdxin."

Hu temm billi rringrazzja lill-voluntiera u l-għajnuna li għenuh jinqata’.

“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għax in-nies qed jitolbuh. U jien se nkompli naħdem ukoll,” temm jgħid.

More in Politika