L-uniformi l-ġdida tal-LESA tiswa iżjed minn €500
More in Politika
L-uniformi l-ġdida tal-uffiċjali tal-LESA – mingħajr il-Body Worn Cameras – tiswa €565.25, qal il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt mistoqsija parlamentari.
Il-Ministru spjega l-ispiża sħiħa biċċa biċċa; €205 biss għall-ġakketta waterproof, €35 għall-vest, €95 għall-ġakketta softshell, €35 għall-flokk tal-komma twila, €29.50 għall-flokk tan-nofs komma, €40 għall-qalziet, €35 għax-xorz, €15.75 għall-beritta, u €75 għaż-żarbun protettiv.
Camilleri qal ukoll li l-kuntratt għall-Body Worn Cameras huwa għal erba’ snin u għandu valur smat ta’ €263,200, eskluża l-VAT.
F’Ottubru li għadda, ġie mħabbar li l-uffiċjali tal-LESA se jkollhom uniformijiet ġodda li ġew imżanżna nhar it-3 ta’ Novembru, u anke muturi ġodda filwaqt li l-wardens se jkollhom il-body cameras.
Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores kien diġà qal li dawn il-kameras jiswew madwar €300,000, u li se jkunu għodda għat-trasparenza u iżjed fiduċja fil-korp. L-investiment totali ta’ dawn l-uniformijiet huwa €1.2 miljun.