Il-Prim Ministru ħabbar li ż-żona tal-White Rocks se tkun trasformata f’Park Nazzjonali, bħala parti minn viżjoni ġdida tal-Gvern biex juri impen serju favur l-ambjent u l-ispazji pubbliċi.
Waqt id-diskora tar-risposta tal-budget li fih tkellem dwar il-bżonn li Malta timxi lejn futur aktar sostenibbli, il-Prim Ministru qal li din id-deċiżjoni tfisser li kull sejħa pubblika għall-iżvilupp tal-White Rocks se tiġi kkanċellata, u minflok, iż-żona se tingħata lura lin-nies.
“Se nkun qed nieħu deċiżjoni li ebda gvern qabli ma kellu l-kuraġġ jieħu. Se nkun qed inħassar kull sejħa pubblika għall-iżvilupp u minflok nagħti lura din l-art lill-poplu Malti,” qal il-Prim Ministru.
Hu sostna li din hija deċiżjoni b’saħħitha u kuraġġuża, li turi kif il-Gvern irid jagħti prijorità lill-ambjent u mhux lill-iżvilupp bla kontroll. “Nemmen li biex iġġib bidliet kbar, trid tieħu deċiżjonijiet kbar,” żied jgħid.
Il-Prim Ministru spjega li flimkien mal-proġett ambjentali f’Manoel Island, il-Gvern se jaħdem fuq proġett ieħor ambjentali biex juri bil-fatti kemm hu impenjat li jħares l-ispazji naturali u joffri aktar żoni miftuħa għall-familji Maltin u Għawdxin.
L-idea tal-White Rocks bħala park nazzjonali hija meqjusa bħala pass storiku, peress li din iż-żona ilha għal snin twal tidher bħala sit ta’ kontroversja dwar kif għandha tintuża. Fl-2022, l-eks Kap Nazzjonalista Bernard Grech wiegħed li jaħtar White Rocks bħala ODZ jekk jiġi elett fil-gvern. Madankollu, dan huwa l-ewwel impenn minn gvern li jbiddel iż-żona f’park nazzjonali.
Il-Prim Ministru tenna li l-għan tiegħu hu li jagħti lura lil Malta spazju li jservi ta’ pulmun aħdar u simbolu ta’ rispett lejn in-natura.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.