In-Nikolaos għandu jitlaq, jgħidu għaqdiet Għawdxin
F’intervista ma’ żewġ assoċjazzjonijiet Għawdxin, niddiskutu l-proposti tal-baġit għal Għawdex
minn Ilenia Debono
Kritika li kienet fuq fomm ħafna rigward il-Baġit kienet in-nuqqas ta’ inizjattivi fuq Għawdex. Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ żewġ entitajiet li jirrappreżentaw demografiċi differenti minn Għawdex fuq din il-biċċa.
Jekk wieħed iħares lejn il-baġit, fil-bidu jidher li l-Għawdxin gawdew bħall-Maltin b’miżuri ta’ iżjed appoġġ għalihom fil-pagi, żieda fl-għotja ta’ kull xahar ta’ studenti li jistudjaw Malta, ftuħ tal-pitkalija f’Għadwex, ferry ġdida, fost l-oħrajn. Madankollu ħafna nies stkerrhu l-fatt li l-baġit ma indirizzax problema kbira għall-konnetività taż-żewġ gżejjer, il-vapur tal-Gozo Channel — kumpanija ffinanzjata mill-Gvern — in-Nikolaos.
Mil-erba’ vapuri li joperaw miċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, tlieta minnhom huma tal-Gvern. Il-vapur l-ieħor huwa l-Grieg MV Nikolaos li ilu fuq self mill-2019. Dan il-vapur kellu jservi ta’ rimedju temporanju sakemm il-Gvern jakkwista vapur ieħor. Barra minn hekk, ħafna Għawdxin li jibbażaw fuq is-servizz tal-Gozo Channel għall-ħobża ta’ kuljum igergru fuq l-istat li jinsab fih dan il-vapur; stat inferjuri meta mqabbel mat-tlieta l-oħra. Il-Gvern ħareġ tender fl-2022 għal vapur ieħor imma din ma ħallietx frott.
Fid-dawl ta’ dan kollu, aktar kmieni f’Ottubru ġie żvelat li l-ispiża sabiex jopera n-Nikolaos kuljum hija €10,000 (eskluż il-fuel) u dawn kollha jitħallsu mit-taxxi tan-nies. F’April li għadda, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kien stqarr li l-Gozo Channel se tħejji sejħa għal tender għal vapur ieħor sas-sajf ta’ din is-sena.
Il-Gozo University Group (GUG), assoċjazzjoni ta’ Studenti Universitarji Għawdxin, tkellmet ma’ din il-gazzetta fuq il-ħsibijiet tagħha rigward il-baġit u l-miżuri għal Għawdex. Il-kwistjoni li ssemmiet sew kienet dik dwar in-Nikolaos.
“Il-Kirja kurrenti tan-Nikolaos mhijiex waħda aċċettabbli hekk kif mhijiex aċċessibbli għal kulħadd u ma tilħaqx ir-rikweżit mistenni minn servizz nazzjonali,” qalet il-GUG.
L-assoċjazzjoni studenteska reġgħet tenniet l-ispiża kbira li qed jiswa liċ-ċittadini dan il-vapur, kif ukoll l-istat li qiegħed fih li ddeskrivietu bħala “not fit for purpose”. Huma qalu li l-Għawdxin għandhom dritt għal servizz modern, komdu u affidabbli bħall-Maltin u l-barranin li jżuru.
Tkellem ukoll Daniel Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Business Chamber (GBC), fuq din il-biċċa fejn hu qal lil din il-gazzetta li għalissa n-Nikolaos qeda l-ħtiġijiet tal-Għawdxin imma xorta jibqa’ l-fatt li dan kellu jkun soluzzjoni temporanja. “Huwa essenzjali li jiġi kkummissjonat vapur ġdid, iktar sostenibbli. Sakemm imma dan ma jseħħx huwa importanti li jkompli jaqdi l-ħtiġijiet tal-Għawdxin. Kif qiegħda s-sitwazzjoni bħalissa li jkollok erba’ vapuri li jaħdmu ma’ xulxin huwa essenzjali.”
Borg qal ukoll li l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer hija tajba bħalissa imma “qatt mhi biżżejjed.” Huwa rrikonoxxa t-tajjeb li qed jagħmel is-servizz tal-fast ferry. Madankollu hemm bżonn li dan ikun aktar flessibbli sabiex jakkomoda l-esiġenzi kollha b’servizzi aktar fit-tard fil-weekends. Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ servizzi dedikati għall-merkanzija “li jmorru f’postijiet li huma jużaw, u mhux kif qed jiġri bħalissa bit-trakkijiet li jridu jaqsmu lil Malta b’impatt ħażin fuq l-ambjent.”
Ħlief l-istat tal-vapur innifsu, l-assoċjazzjoni studenteska tkellmet fuq il-bżonn li jkun hemm integrazzjoni aħjar bl-iskeda tal-vapuri u dik tar-rotot tat-trasport pubbliku, bħall-konnessjonijiet diretti u frekwenti li jwasslu għall-Università, l-MCAST, l-ITS, l-isptar, u l-ajruport, ġaladarba din il-komunikazzjoni tgħin lil numru kbir ta’ studenti u nies Għawdxin.
Barra minn hekk, huma faħħru l-inizjattiva tal-għotja fix-xahar għal studenti Għawdxin, xi ħaġa li ilhom jitolbu għaliha snin minħabba l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja li tħalli impatt iżjed qawwi fuq studenti Għawdxin.
Huma saħqu wkoll li minbarra n-Nikolaos, hemm bżonn li l-Port tal-Imġarr jingħata tidwira tajba, ikun hemm akkomodazzjoni għal studenti Għawdxin f’Malta, u spazju ta’ studju f’Għawdex. S’issa dan jidher li għadu ma ġiex implimentat. Il-GUG qalet li tixtieq titkellem mal-awtoritajiet ikkonċernati fuq dawn il-miżuri.
Borg mill-GBC tkellem ukoll fuq il-bżonn ta’ investiment fl-infrastruttura Għawdxija, li qiegħda wisq iffukata fuq it-terminals taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr. “Huwa f’għajnejn kulħadd li l-Port tal-Imġarr irid jikber, u għalhekk xtaqna li forsi fil-baġit jissemma li se tibda tiġi kkunsidrata r-reklamazzjoni tal-art fl-Imġarr. Hemm ukoll il-ħtieġa ta’ triq oħra għall-Port minħabba li t-triq ta’ bħalissa tesponi lill-Imġarr għal riskji.” Barra minn hekk, Borg introduċa wkoll l-idea tal-elettrifikazzjoni tal-flotta.
Lil hinn mit-toroq marittimi, hu tenna li t-toroq Għawdxin għandhom bżonn investiment b’saħħtu, u l-ħtieġa li dawn isiru b’ħejja. Minbarra dan, huwa enfasizza l-bżonn tal-isptar ġenerali f’Għawdex, hekk kif il-Queen Mary University of London — skola medika b’kampus f’Għawdex, għandha bżonn dan l-isptar ukoll, inkluż ovvjament l-Għawdxin.
