Hemm stennija għad-diskors ta’ Alex Borg, il-Kap tal-Oppożizzjoni, b’reazzjoni għall-baġit li ppreżenta l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.
Dan forsi se jkun l-ewwel test ta’ stoffa ta’ Alex Borg biex juri kemm hu ppreparat għal din l-avventura politika.
S’issa, Borg, fuq temi purament fiskali ma impressjonax. Kien hemm il-proposta li l-VAT għar-ristoranti jonqos minn 18% għal 7%, miżura li kienet maħsuba biex tgħin lir-ristoranti imma ftit li xejn lill-konsumatur.
Wisq aktar meta m’hemm l-ebda intenzjoni li l-flus li se jiġu ffrankati mill-VAT se jgħaddu għand il-klijent u mhux imorru għal għand ir-ristoranti. Miżura bħal din seħħet f’pajjiżi fejn kien hemm kriżi fil-qasam tal-attendenza fir-ristoranti. F’pajjiżna din il-kriżi ma teżistix. Teżisti forsi kriżi ta’ standards u konsistenza, imma mhux ta’ interess min-nies biex iżuru r-ristoranti.
It-tieni punt li semma Alex Borg kien dwar l-idea tal-four day week. Din il-proposta ċertament għandha ħafna pożittiv imma tista’ anke twassal għal ħafna problemi; sewwasew fid-dawl ta’ kif żvolgew l-affarijiet wara l-Covid fejn għandek ruxxmata aġenziji u istituzzjonijiet li qed jaħdmu hybrid u li baqgħu hybrid minkejja li l-Covid ġie u telaq.
U four day week fid-dawl ta’ realtà fejn l-impjegati għandhom numru ta’ ġranet ta’ leave ġeneruż — anzi ġeneruż iżżejjed — u fid-dawl li jeżistu bosta skemi ta’ ġranet off fil-kuntest ta’ twelid, żwieġ, mard, studju u mewt, apparti l-leave maternali u paternali.
U xi ngħidu għall-contact hours redikoli tal-għalliema u l-vaganzi twal tas-sajf, tal-Milied u tal-Għid u tal-mid-term.
Il-four day week ma tantx niżlet tajjeb ma’ min jimpjega. Nifhmu għalfejn.
U fl-aħħar kien hemm l-għajta ta’ Alex Borg li jirrinunzja ż-żieda fil-paga skont il-ftehim kollettiv ta’ €1,700 fis-sena, fuq il-premessa li din iż-żieda hija skandaluża fid-dawl tal-għoli tal-ħajja. Dikjarazzjoni li ma tantx impressjonat nies, għax kulħadd jifhem li l-membri parlamentari għandhom jiżdiedu bħala pakkett finanzjarju.
Ara kieku ma kienx hemm ftehim kollettiv fejn inġabar kulħadd, mela mbagħad vera Alex Borg kien ikollu raġun.
Minkejja kollox, nistennew bil-ħerqa d-diskors ta’ Borg. Nistennew argumenti tajbin u ffukati. Għax hekk hemm bżonn, hekk hu meħtieġ f’demokrazija parlamentari.
Nisperaw li l-argumenti jkunu maħsuba, u fejn ikun hemm bżonn issir kritika li tkun effettiva, spjegata, u raġunata.