Baġit 2026 | Servizzi finanzjarji u Fintech regolat

Il-Baġit 2026 jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex jibni fuq il-pilastri tas-servizzi finanzjarji u tal-fintech regolat, li jibqgħu ċentrali għall-ekonomija Maltija

Il-Baġit 2026 ikkonferma l-impenn kontinwu ta’ Malta biex tibni fuq is-suċċess tas-settur tas-servizzi finanzjarji u t-tkabbir ta’ fintech regolat, li jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija nazzjonali.

Il-Gvern tenna li r-riformi fis-servizzi tal-assi u l-ġestjoni tal-ġid, kif ukoll fl-istrutturi tal-family offices u fis-settur tal-assigurazzjoni, qed isaħħu l-kompetittività, ir-reputazzjoni u r-reżiljenza ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni ta’ fiduċja fil-qasam finanzjarju.

Tħabbru wkoll investimenti ġodda f’infrastruttura kritika bħaċ-Ċentru Nazzjonali tal-Ħlasijiet u s-Sistema Ċentrali tal-Ġestjoni tal-Identità, li mistennija jnaqqsu l-burokrazija u jissimplifikaw il-proċessi ta’ konformità u ħlasijiet kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-konsumaturi.

Il-Ministeru għas-Servizzi Finanzjarji enfasizza wkoll l-importanza tat-taħriġ professjonali u l-iżvilupp tal-ħiliet biex il-forza tax-xogħol Maltij tibqa’ kompetittiv f’settur li qed jevolvi b’pass mgħaġġel.

Fi żvilupp ieħor sinifikanti, Malta mistennija tniedi s-National Digital Identity Wallet sa tmiem din is-sena.

Din l-inizjattiva se tippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji jużaw identità diġitali waħda biex jivverifikaw u jaqsmu ċertifikati b’mod sigur u sempliċi. Il-wallet se jnaqqas il-burokrazija, joffri proċessi aktar mgħaġġla u jtejjeb l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u privati, filwaqt li jimplimenta l-prinċipju Ewropew tal-“once-only” — jiġifieri li d-dejta tingħata darba biss u tintuża b’kunsens tal-utent.

Din is-sistema ġdida, li tkun konforma  mal-ogħla standards Ewropej ta’ privatezza u sigurtà, se tkun pass ieħor lejn ekonomija diġitali aktar effiċjenti, trasparenti u orjentata lejn iċ-ċittadin. Il-Gvern jemmen li l-kombinazzjoni ta’ politika finanzjarja stabbli, innovazzjoni teknoloġika u investiment fil-kapaċità umana se tpoġġi lil Malta fuq quddiem nett fost il-pajjiżi Ewropej li qed imexxu t-tranżizzjoni lejn futur diġitali u sostenibbli.

More in Politika