Baġit 2026 | Inqas taxxi għal min għandu t-tfal
Clyde Caruana jgħid li din il-miżura se tħalli €2,400 f'idejn kull ġenitur
minn Ilenia Debono
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li familji bit-tfal se jkunu qed iħallsu inqas taxxa matul it-tliet snin li ġejjin, u se jitnaqqas il-piż tat-taxxa b’mhux inqas minn €160 miljun, b’madwar 68,000 ġenitur mistennija jibbenefikaw.
“Biex nifhmu l-iskala ta’ din il-miżura: it-tnaqqis fit-taxxa tas-sena l-oħra ħalla madwar €500 f’idejn kull persuna; din il-miżura l-ġdida se tħalli madwar €2,400 f’idejn kull ġenitur, b’mod medju.”
Dan l-iffrankar fit-taxxa se jseħħ fuq perjodu ta’ tliet snin, jiġifieri l-ammont ta’ taxxa mħallas se jonqos sena wara l-oħra matul dawn it-tliet snin, u mbagħad jibqa’ stabbli fir-rata aktar baxxa fis-snin ta’ wara.
Se jiġu introdotti skedi ġodda tat-taxxa: waħda għal familji b’tifel jew tifla waħda, u oħra għal familji b’żewġt itfal jew aktar. F’dawk il-familji b’żewġt itfal, hekk kif tifel jew tifla jaslu 18-il sena u ma jibqgħux f’edukazzjoni formali, jew 23 sena jekk ikunu għadhom jistudjaw, il-familja (jew il-ġenituri) se tgħaddi għall-iskeda tat-taxxa għall-familji b’tifel wieħed, sakemm it-tifel l-ieħor jibqa’ jissodisfa l-kriterji.
Fis-sistema tat-taxxa tagħna hemm żewġ tipi ta’ kalkolu li taħthom tista’ taqa’ familja: il-Komputazzjoni Miżżewġin u l-Komputazzjoni Ġenituri. Il-Komputazzjoni Miżżewġin se tkompli tapplika bl-istess rati eżistenti għal dawk li ma jaqgħux taħt il-kriterji l-ġodda msemmija hawn fuq.
Il-Komputazzjoni Miżżewġin tapplika normalment fejn spouse wieħed biss ikun jaħdem, jew fejn id-dħul tal-ieħor ikun baxx.
Bħalissa, dawn il-familji jibdew iħallsu t-taxxa meta d-dħul tagħhom jaqbeż il-€15,000. Dan il-limitu se jogħla għal €17,500 is-sena d-dieħla, €20,000 fl-2027, u €22,500 fl-2028.
Minħabba ż-żieda fil-limitu u l-aġġustamenti fil-parentesi tat-taxxa, l-iffrankar massimu tat-taxxa għal dawn il-familji b’tifel wieħed se jkun ta’ €725 fl-2026, €1,450 fl-2027, u €2,175 fl-2028.
Madwar 2,400 familja se jibbenefikaw minn dan il-kalkolu, b’iffrankar medju ta’ €1,575 sal-aħħar tat-tielet sena.
Il-Ministru għal-Finanzi Clyde Caruana ħabbar numru ta’ miżuri relatati mal-familja, inkluż inċentivi fiskali li jassistu familji bit-tfal speċjalment dawk b’iżjed minn wild wieħed.
It-tema tal-baġit kienet ‘Ekonomija b’Saħħitha, Futur għal Uliedna’, tema li l-gvern indirizza b’numru ta’ inċentivi li jħeġġu familji jkollhom iżjed tfal. Dawn is-soluzzjonijiet joffru rimedju fl-immedjat għall-problema ta’ rata ta’ fertilita’ baxxa li kienet fuq fohom kulħadd.
Caruana saħaq li l-gvern se jniedi inizjattiva ġdida biex jipprovdi kenn lil vittmi tal-vjolenza Domestika billi jipprovdilhom akkomodazzjoni alternattiva waqt li jkunu għaddejjin bil-proċeduri tas-separazzjoni.
Għotja Diġitali: Tfal li qiegħdin fl-10 u fil-11-il sena (Form 4 u Form 5) ħa jingħataw €500 sabiex jinidirizzaw ħtiġijiet diġitali
Bonus għat-trabi: Żieda ta’€500 għal bonus ta’ twelied jew adozzjoni. Il-bonus għall-ewwel wild se jkun €1,000, għat-tieni wild se jkun €1,500 u għat-tielet wild jew iktar se tkun €2,000
In-work benefit: Żieda ta’ €75 għal kull wild
Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali: Se jiġi introdott “Neonatal and Paediatric Intensive Care Unit (NPICU) Leave” għal ġenituri li jkollhom it-trabbi fl-NPICU
Children’s Allowance: Żieda ta’ €250 għal kull wild għal familji li jaqilgħu inqas minn €30,000
Rimbors għall-adozzjoni: Żieda għal massimu ta’ €12,000 minn €10,000 għal adozzjonijiet minn barra u €2,000 minn €1,000 għal adozzjonijiet legali.
Foster Care Allowance: Żieda minn €6,240 għal €6,760 fis-sena għal familji li jiddeċiedu li jiffosterja
“Fish Fridays”: Kull nhar ta’ Ġimgħa, studenti se jingħataw ħut sabiex jieklu fl-iskejjel bħala miżura favur l-ikel nutrizzjuż.
Żieda fl-Allowance ta’ min romol u jrabbi: Żieda ta’ €10 fil-ġimgħa u l-allowance se tiġi estiża sakemm l-ulied jilħqu 23 sena.
