Il-gvern m'għandux jinjora l-karba tal-poplu, jgħid Andre Callus
F'kumment esklussiv, l-attivist Andre Callus jgħid li hemm ċans li l-attivisti se jibqgħu jikkampjaw matul il-ġimgħa
More in Politika
F'kumment esklussiv, l-attivist Andre Callus jgħid li hemm ċans li l-attivisti se jibqgħu jikkampjaw matul il-ġimgħa
F'kumment esklussiv lill-gazzetta ILLUM, l-ambjentalist Andre Callus jitkellem fuq il-protesta li hemm għaddejja quddiem il-parlament fejn qal li hemm ċans li ħa jibqgħu fit-tined.
Illejla, jum il-baġit, fil-5:30pm l-għaqda ambjentali Moviment Graffitti se tmexxi protesta minn quddiem il-qorti kontra r-riforma fil-liġi tal-ippjanar. Minbarra din il-protesta, numru ta' dimonstranti ikkampjaw quddiem il-parlament mill-bieraħ filgħaxija bħala protesta. Callus ikkonferma li hemm ċans li l-protesta fit-tined tiġġeded matul il-ġimgħa.
"Il-messaġġ huwa ċar, aħna nemmnu li l-gvern m'għandux jinjora l-karba tal-poplu," qal Callus. Hu kkonferma li ma kienitx att ta' vendikazzjoni li l-protesta se ssir dakinhar tal-baġit, imma ntgħażlet dik id-data għax "ma tawna l-ebda għażla oħra."
Callus enfassiza l-għan tal-protesta, li tiġi rtirata r-riforma tal-liġijiet tal-ippjanar li "ħa jagħmlu daqshekk ħsara għall-uliedna."
Ir-riforma tal-liġijiet tal-ippjanar ħarġu fis-sajf, li jinkludu dispożizzjonijiet li jagħmlu aktar diffiċli li permessi ta’ żvilupp jiġu mħassra fuq appell. Numru ta' għaqdiet ħarġu bi ħġarhom kontra dawn l-abbozz ta' liġi 143 u 144. Din mhux l-ewwel protesta li saret kontra din ir-riforma. Nhar is-Sibt 4 ta' Ottubru, intaqgħu ġemgħat ta' nies jipprotestaw kontra dawn l-abbozzi.
L-attivisti reġa' tenna li ilhom minn Lulju jiġġieldu kontra din ir-riforma li saret "minħabba ċertu interessi wara l-kwinti waqt li l-poplu jgħajjat kontriehom." Hu qal li l-messaġġ tal-protesta tal-lejla huwa li tiġi rtirata din ir-riforma u li ma tibqax tiġi injoratha s-sejħa tal-poplu.