L-istess stħarriġ juri li l-Partit Nazzjonalista naqqas id-distakk bejnu u l-Partit Laburista minn 14-il punt f’Ġunju għal tliet punti biss wara l-elezzjoni ta’ Alex Borg bħala mexxej tal-PN.
L-istħarriġ li sar fost 741 persuna tul l-aħħar ġimagħtejn għandu marġni ta’ żball ta’ +/-3.6 punt perċentwali.
Madankollu Robert Abela jibqa’ l-aktar mexxej fdat biex imexxi lill-pajjiż, b’vantaġġ sostanzjali ta’ 13-il punt fuq Borg.
Dan jindika li l-vantaġġ tal-PL jista’ jkun ħafna akbar meta wieħed iqis il-fiduċja fil-mexxejja speċjalment meta wieħed iqis li Abela hu ferm iktar fdat minn dawk li sal-lum qed jgħidu li mhux se jivvutaw. Dan ifisser li jekk il-PL inaqqas l-astensjoni fi ħdanu, il-vantaġġ tiegħu jerġa’ jikber.
L-istħarriġ juri li l-appoġġ għall-PL huwa ta’ 48.8% filwaqt li l-PN igawdi l-appoġġ ta’ 45.8%, u partiti oħra żgħar igawdu appoġġ ta’ 5.5%. Dan ir-riżultat huwa bbażat fuq turnout ta’ 81.6%.
Ir-riżultati juru spinta għall-PN taħt il-mexxej ġdid tiegħu li għadu fiż-żmien ħelu tal-qamar il-għasel, hekk kif id-differenza bejn il-partiti ewlenin naqset minn 14-il punt f’Ġunju għal 3 punti.
Dan jindika li d-differenza fil-voti bejn il-partiti hi waħda ta’ bejn wieħed u ieħor 8,400 voti. Din id-differenza hi simili għal dik li kien hemm fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew tal-2024.
Dan juri tnaqqis sostanzjali minn differenza ta’ 39,000 vot f’sondaġġ li sar f’Ġunju. Madankollu eżattament sena ilu meta Grech kien il-mexxej tal-PN, stħarriġ tal-MaltaToday kien wera l-PN b’vantaġġ ta’ 12,000 vot.
Analiżi tar-riżultat turi li l-PN qed iżomm aktar mill-voti tiegħu li kellu fl-elezzjoni tal-2022, l-iktar minħabba tnaqqis fost dawk li kienu vvutaw PN imma li beħsiebhom ma jivvutawx. Dan probabbli jirrifletti l-entużjażmu għall-mexxej il-ġdid.
Filwaqt li l-PN qed jitlef inqas voti minn dawk li kellu diġà, fost votanti Laburisti l-astenzjoni żdiedet minn 6.7% għal 9.9%. Fost il-votanti tal-PN, in-non-voters naqsu minn 10.5% għal 5.2%, u l-PN issa iżomm 86.1% mill-voti tiegħu tal-2022, filwaqt li l-PL iżomm 81.1%.
Fir-rigward tal-mexxejja politiċi, il-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ l-aktar fdat biex imexxi l-pajjiż b’marġni sostanzjali ta’ 13-il punt fuq Alex Borg. Borg, li għadu frisk fit-tmexxija, hu fdat minn 34% waqt li Abela hu fdat minn 47%. Ta’ min jinnota li fl-ewwel stħarriġ wara li sar kap fl-2020 Bernard Grech kien fdat minn 31%.
Wieħed mill-iktar riżultati sinifikanti hu l-fatt li Abela jgawdi l-ikbar fiduċja fost in-non-voters: 27% minnhom għandhom fiduċja f’Abela waqt li 6% biss għandhom fiduċja f’Borg. Dan juri li l-PL għad għandu ħafna potenzjal biex jikber fost dawk li s’issa mhux se jivvotaw.
Fir-rigward tal-età, il-PN jidher li għamel progress kbir fost iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-35, kategorija fejn qed igawdi vantaġġ ta’ 8 punti, filwaqt li l-PL għandu vantaġġ fost il-gruppi ta’ età bejn is-36 u l-50 sena, u dawk fuq 65 sena.
Madankollu Abela jibqa’ l-aktar fdat f’kull grupp ta’ età anki fost dawk ta’ bejn 16 u 35 sena fejn igawdi vantaġġ ta’ 10 punti. Abela hu l-iktar fdat minn dawk ta’ bejn 36 u 50 sena (22.8 pp) u fost dawk b’livell sekondarju ta’ edukazzjoni (20.7 pp).
Fir-rigward tar-reġjuni, Abela jibqa’ l-iktar mexxej fdat f’ħames minn sitt reġjuni. L-unika eċċezzjoni jidher li hu Għawdex fejn Borg igawdi vantaġġ ta’ 20 punt. Imma l-istħarriġ juri li l-Abela qed jmexxi wkoll f’reġjuni tradizzjonalment Nazzjonalisti bħal dawk tat-Trumuntana u dak tal-Lvant.