Ir-rikonoxximent tal-Palestina: paroli jew azzjoni?

Wara ħafna taqtigħ il-qalb, Robert Abela rrikonoxxa lill-Palestina; il-gazzetta ILLUM tindaga xi jfisser dan għall-kawża Palestinjana 

 

Caption;  Karl Schembri qal li Robert Abela “rikeb il-karrettun tar-rikonoxximent" u issa qed jistenna l-applaws u t-tifħir 

Marie Louise Coleiro - min qed jiffaċilita l-manifattura u l-mixja ta’ armamenti qed jgħin biex il-gvern ta’ Netanyahu jkompli bil-vjolenza fuq l-innoċenti 

Peter Agius qal li hemm bżonn sospensjoni tal-association agreement bejn l-UE u Iżrael 

Wara snin ta’ relazzjonijiet diplomatiċi b’saħħithom, Malta rrikonoxxiet l-istat tal-Palestina nhar it-22 ta’ Settembru ta’ din is-sena. Minbarra x-xenati u l-fanfarunati, xi jfisser eżatt dan il-pass? Dan ifisser li Malta għamlitu sehemha f’dan il-kunflitt? U issa, xi jmiss? Il-ġurnal ILLUM tanalizza dan il-pass diplomatiku minn lenti storika u politika, flimkien ma’ xi kummenti minn attivisti voċiferi f’isem il-kawża il-Palestinjana. 

Waqt l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Malta, flimkien ma’ Franza, il-Lussemburgu, il-Monaco, il-Belġju, u l-Andorra, irrikonoxxiet l-istat Palestinjan. Dan ifisser li Malta tirrikonoxxi d-dritt legali tal-Palestina li jkollha ibħra territorjali flimkien ma’ spazju tal-ajru bħala stat sovran. Barra minn hekk, dan jagħti d-dritt lin-nies Palestinjani li jtellgħu lil kwalunkwe pajjiż jew stat il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja sabiex jiddefendu s-sovranità tagħhom, inkluż lil Iżrael fir-rigward tal-okkupazzjoni illegali tal-istat Palestinan. 

 

L-Eks President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, tkellmet ma’ dan il-ġurnal fejn qalet li r-rikonoxximent tal-istat Palestinjan minn Malta huwa pass ’il quddiem lejn id-dritt tas-sovranità tal-Poplu Palestinjan li ilu oppressat u ppersegwitat għal għexieren ta’ snin. “Malta għandha tkun fuq quddiem fil-vuċi tagħha għal dan il-poplu li ilu maħkum, ittorturat u ppersegwitat.” 

Karl Schembri, li jaħdem man-Norwegian Refugee Council,  ma magħadx kliemu u qal li Robert Abela “rikeb il-karrettun tar-rikonoxximent" u issa qed jistenna l-applaws u t-tifħir.  

“Juri li minkejja l-inbiħ ta’ Iżrael, b’xi mod dawn il-mexxejja fl-aħħar qegħdin irabbu par, anki jekk tard ħafna. Huwa wkoll l-ewwel pass loġiku li jrid jittieħed minn kull min stqarr għal deċennji sħaħ li għandu jkun hemm stat Palestinjan maġenb l-istat Iżraeljan.” 

Soluzzjoni ta’ żewġ stati 

Din is-sena biss, iżjed minn 150 pajjiż irrikonoxxa l-Istat Palestinjan meta kien hemm pajjiżi li diġà għamlu dan fl-1988. Għala d-dinja tal-Punent missitha l-kuxjenza wara kważi 50 sena? 

Skont il-konvenzjoni ta’ Montevideo fl-1933, ir-rikonoxximent ta’ stat iserraħ fuq erba’ kriterji: popolazzjoni permanenti, territorju definit, gvern u l-abiltà li jinżammu relazzjonijiet diplomatiċi ma’ stati oħra. Problema li taffaċċja l-Palestina f’dan il-kuntest hija t-theddida ta’ Iżrael fl-art Palestinjana, madankollu stat xorta jista’ jirrikonoxxi lill-Palestina. 

F’dan il-każ ir-rikonoxximent huwa wieħed simboliku u politiku. Ir-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan minn pajjiż tirrifletti dikjarazzjoni diplomatika li turi xewqa sabiex il-ġlied jintemm b’soluzzjoni ta’ żewġ stati. 

Il-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer qal fid-diskors ta’ rikonoxximent tal-Palestina li hu qed jagħmel dan sabiex tibda t-triq lejn stat Palestinjan li jeżisti ma’ “Iżrael sigura.” Madankollu, Starmer u numru ta’ mexxejja oħra ammettew li din is-soluzzjoni mhijiex daqshekk possibbli, hekk kif Iżrael tibqa’ tirrifjuta li tirrikonoxxi kwalunkwe tip ta’ stat Palestinjan. 

In-numru ta’ pajjiżi li qed jirrikonoxxu l-Palestina qed jiżdied bħala reazzjoni ta’ dak li qed jiġri f’Gaża sabiex jieqaf il-ġlied. Fid-diskors tar-rikonoxximent tiegħu, il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li jrid jissaħħaħ l-istat Palestinjan billi titneħħa l-preżenza militari u rikonoxximent ta’ Iżrael, f’isem is-sigurtà fil-Lvant Nofsani.  

Barra minn hekk, fl-Ewropa qam sentiment pro-Palestinjan b’dimostrazzjonijiet fit-triq, inkluż f’Malta stess, li qanqlu reazzjonijiet popolisti mill-gvernijiet responsabbli. 

L-Istat kurrenti tal-Palestina 

Bħalissa l-Palestina għadha “stat osservatur” fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, minħabba l-interessi politiċi tal-Amerka. L-Amerka hija membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, li hedded kemm-il darba li tuża l-poter tagħha sabiex timblokka s-sħubija sħiħa tal-Palestina fil-Ġnus Magħquda. Jekk il-Palestina tingħata t-titlu ta’ membru fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, hi jkollha d-dritt, kemm li tipparteċipa fid-dibattitu, kif ukoll dritt għal vot. Barra minn hekk, il-Ġnus Magħquda toffri ħafna vantaġġi, inkluż assistenza u għajnuna f’każ ta’ diżastru bħal terremot kbir, benefiċċji ekonomiċi minn entitajiet bħall-Fond Monetarju Internazzjonali, fost oħrajn. 

Storikament, l-Istati Uniti u Iżrael minn dejjem kellhom relazzjoni amikevoli, kemm politikament, u anke ekonomikament. Riżultat ta’ dan, l-Istati Uniti ma tirrikonoxxix l-istat Palestinjan imma tirrikonoxxi l-“Palestinian National Authority” bħala l-gvern leġittimu tal-Palestina. 

Iżrael dejjem kienet l-ikbar xewka fit-triq għar-rikonoxximent internazzjonali tal-Palestina. Minħabba l-okkupazzjoni militari ta’ Iżrael fix-Xatt tal-Punent (West Bank) mill-1967, l-Awtorità Palestinjana m’għandhiex kontroll assolut fuq l-art tagħha jew niesha.  

L-istorja xejn pjaċevoli bejn Iżrael u l-Palestina bdiet mill-Gwerra Palestinjana fl-1947, wara li l-Ġnus Magħquda adottat ir-Riżoluzzjoni 181(II) li rrakkomandat il-qsim tal-Palestina fi stat Għarbi, stat Lhudi u l-Belt ta’ Ġerusalemm. Il-Palestinjani Għarab ma qablux filwaqt li ż-Żionisti ppjanaw li jkabbru l-borduri ta’ Iżrael minn dak allokat. Fit-30 ta’ Novembru tal-1947, it-toroq Palestinjani kienu mdemmija riżultat tal-gwerra li nqalgħet. 

Il-Pass li jmiss 

 

Il-gazzetta Illum ma’ Marie Louise Coleiro, Karl Schembri u Peter Agius dwar din id-deċiżjoni. 

Kemm Marie Louise Coleiro Preca, kif ukoll Karl Schembri qablu li r-rikonoxximent tal-Palestina minn Malta kien ġest simboliku. Schembri qal li dan il-pass sar f’mument fejn hemm ċans veru baxx li jiġi segwit minn iżjed azzjoni diplomatika u politika. 

Karl Schembri qal li Robert Abela “rikeb il-karrettun tar-rikonoxximent
Karl Schembri qal li Robert Abela “rikeb il-karrettun tar-rikonoxximent" u issa qed jistenna l-applaws u t-tifħir

“L-ebda impatt fuq l-art qabel ma jkun hemm waqfien totali mill-assalt ġenoċidjali ta’ Netanyahu u l-gvern tiegħu, kemm fuq Gaża, kif ukoll fil-bqija tat-territorju Palestinjan fix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm,” qal Schembri. 

Schembri tenna li dan il-ġest ma kellux l-effett esaġerat li qed jiddeskrivu l-“mexxejja bla sinsla”, speċjalment meta dawn qattgħu dawn l-aħħar sentejn kompliċi bis-silenzju tagħhom lejn il-ġenoċidju f’Gaża. 

“Qabilhom kien hemm pajjiżi bħal Spanja, l-Irlanda u n-Norveġja li ħadu l-inizjattiva, irrikonoxxew l-istat Palestinjan imma wkoll tkellmu b’mod mill-iżjed ċar kontra l-impunità ta’ Iżrael. Imma issa dawn il-mexxejja li qamu mir-raqda ħassew li ma setgħux jibqgħu iżjed ma jagħmlu xejn meta l-istorja diġà qed tinkiteb u diġà bdiet tiġġudikahom. Nies bħal Macron, li ma kellu l-ebda problema jinnormalizza l-okkupazzjoni tas-Saħara tal-Punent mill-Marokk, issa jrid jidher kuxjenzjuż. Nies bħal Keir Starmer, bil-fibra morali ta’ brama, li b’mod mill-iżjed stramb ikkundizzjona r-rikonoxximent tal-istat Palestinjan man-nuqqas ta’ Iżrael milli jieqaf jimmassakra iżjed nies. U nies bħall-prim ministru tagħna, li kkonfrontat minn attakk fuq dgħajsa umanitarja barra xtutna fi triqitha lejn Gaża lanqas biss talab spjegazzjoni minn Iżrael imma ddikjara l-kapitlu magħluq qabel bilkemm kien infetaħ,” stqarr Schembri. 

Marie Louise Coleiro - min qed jiffaċilita l-manifattura u l-mixja ta’ armamenti qed jgħin biex il-gvern ta’ Netanyahu jkompli bil-vjolenza fuq l-innoċenti
Marie Louise Coleiro - min qed jiffaċilita l-manifattura u l-mixja ta’ armamenti qed jgħin biex il-gvern ta’ Netanyahu jkompli bil-vjolenza fuq l-innoċenti

Marie Louise Coleiro Preca rriflettiet fuq l-aspett umanist tal-kwistjoni. “Min qed jiffaċilita l-manifattura u l-mixja ta’ armamenti qed jgħin biex il-gvern ta’ Netanyahu jkompli bil-vjolenza fuq l-innoċenti. Qed nittama li Malta, bħal Spanja u pajjiżi oħra anke fl-Ewropa, nieqfu b’mod ċar kontra dan u nistqarru bil-qawwa kollha, li ma rridux inkunu kompliċi fil-qerda ta’ tant tfal, żgħażagħ, nisa, u tant u tant eluf ta’ nies oħra innoċenti.” 

Il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius tkellem fuq il-biċċa wkoll fejn sostna li rrikonoxximent tal-Istat Palestinjan huwa pass ’il quddiem imma mhux biżżejjed. Hu qal li hemm bżonn sospensjoni tal-association agreement bejn l-UE u Iżrael, kif ukoll embargo fuq l-esportazzjoni tal-armi lejn Iżrael. 

More in Politika