Għaġla fil-PN biex kollox ikun lest sal-elezzjoni bikrija

Fl-istamperija din il-ġimgħa saru laqgħat twal biex jinħatru kelliema ġodda għad-dekasteri, fosthom dekasteri ġodda. U kif ukoll laqgħat biex iħeġġu lil Darren Carabott jikkunsidra l-post vakanti ta’ Viċi Kap. 

Hekk kif il-PN għaddej minn honeymoon bl-elezzjoni ta’ Alex Borg bħala kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, kien hemm ġirja biex jinħatru l-kelliema l-ġodda jew dak li hu magħruf bħala s-shadow cabinet. Stennija kbira għall-karigi li se jkollhom Adrian Delia u Bernard Grech, u min se jkun il-kelliem tal-finanzi. 

Borg kien diġà ħabbar li se jaħtar kelliema ġodda għal dekasteri li ma jeżistux bħala dekasteri fil-Gvern. 

Sal-bieraħ filgħodu Borg kien qed jiltaqa’ ma’ deputati biex jgħarrafhom bid-dekasteri tagħhom u dan wara lejl twil bejn il-Ġimgħa u s-Sibt fejn kien fassal il-kelliema kollha flimkien ma’ iktar persuni fdati.  

Imma apparti l-għażla tal-ismijiet għad-dekasteri li jidher ma kienx mingħajr problemi hemm ukoll il-kwistjoni tal-Viċi Kap fejn jidher ċar li n-nies ta’ Borg iridu bil-kbir li jkun Darren Carabott. U filwaqt li Carabott, avukat żgħir li wera reżiljenza kbira qed ikun evażiv għal din il-kariga, persuni viċin Carabott ikkonfermaw ma’ din il-gazzetta li “Darren iridha.” 

Dan ix-xenarju jfisser li Adrian Delia ma jikkontestax għall-post vakanti ta’ Viċi Kap – għax hu ddikjara f’intervista ma’ gazzetta ewlenija li hu ma jikkontestax għal din il-kariga jekk ikun hemm kontestazzjani. Dal-kumment ġie interpretat bħala biża’ min-naħa ta’ Delia li jekk jikkontesta kontra xi ħadd jitlef. 

B’Delia mhux Viċi Kap, Alex Borg jista’ jkun skont persuni viċin tiegħu – his own man. 

U b’din solvuta jkunu jistgħu jibdew jippreparaw għall-elezzjoni bikrija fir-rebbiegħa tal-2026. Iżda biex ikollhom ċans remot li jirbħu jridu jkollhom struttura soda u finanzi deħlin. 

More in Politika