Il-Kabinett tal-Oppożizzjoni se jiġi mħabbar illum

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg għandu jħabbar il-kabinett il-ġdid aktar tard is-Sibt

Alex Borg
Alex Borg

Il-Partit Nazzjonalista mistenni jħabbar l-irwoli l-ġodda tal-kabinett l-ġdid tal-Oppożizzjoni aktar tard is-Sibt, skont sorsi qrib il-gazzetta oħt MaltaToday. 

Alex Borg kien diġa' ħabbar li ħa jbiddel il-portafolli meta laħaq bħala l-mexxej il-ġdid tal-PN.

Borg kien diġa saħħaq waqt intervista fuq Xtra, li kien se jintroduċċi rwoli ġodda inkluż kelliem għas-solitudni. Hu kien wiegħed ukoll bidliet ġodda fil-kabinett.

Il-mexxej il-ġdid diġa ħabbar rwoli ġodda ġewwa l-partit u min se jokkupahom. L-avukata u filantropista Sabine Agius Cabourdin laħqet l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-PN, filwaqt li Simon Vella Gregory ġie appuntat l-maniġer tal-kampanja tal-PN.

Is-sindku tal-Munxar Damien Spiteri ħa l-kariga taċ-Chief of Staff ta' Borg u Simon Mizzi laħaq chairperson tal-leadership delivery office.

Adrian Delia, l-avversarju ta' Alex Borg fl-elezzjoni għal kap tal-partit, għamilha ċara li mhux se jikkontesta għall-irwol ta' viċi kap. Dan l-irwol huwa bħalissa okkupat minn Alex Perici Calascione.

Madankollu, Borg kien wiegħed li se jressaq emenda sabiex jinbiddel l-istatut tal-partit ħalli jkun hemm lok għal kreazzjoni tal-kariga tat-tieni viċi kap li jkun inkarigat bir-responsabbilta' ta' affarijiet parlamentari.

More in Politika