Sandra Gauci: L-ebda mara m'għanda tiffaċja ħabs minħabba l-abort
L-ADPD titlob għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort f'Malta fid-dawl tal-protesta li ħa sseħ is-Sibt

More in Politika
L-ADPD titlob għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort f'Malta fid-dawl tal-protesta li ħa sseħ is-Sibt
Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci tgħid li l-ebda mara m'għanda tispiċċa l-ħabs għaliex tagħżel li tagħmel abort.
“Aktar ma jsir dan kmieni, aħjar, għax iservi biex jinkoraġġixxi lin-nisa li għandhom bżonn l-għajnuna biex ifittxuha, u b’riżultat ta’ dan jiġu salvati l-ħajjiet,” qalet Sandra Gauci.
L-istqarrija saret hekk kif aktar tard is-Sibt se ssir protesta f’Valletta dwar id-drittijiet għall-abort.
“Insellmu s-sejħa qawwija ta’ din il-ġimgħa għall-dekriminalizzazzjoni u nittamaw li tiġi appoġġjata minn dawk li jaqblu mal-mozzjoni tagħna dwar l-abort kif kienet ippreżentata fl-2021 u kif kienet inkluża fil-manifest elettorali l-Aħdar tal-2022. Il-prinċipju ewlieni jibqa’ l-empatija qabel id-demagogija,” qalet Gauci.
“L-abort huwa kwistjoni ta’ politika tas-saħħa li m’għandux jiġi trivializzat billi jiġi maqsum fiż-żewġ frak distinti. Din id-dikotomija falza tagħmel ħsara lil ħafna nies f’Malta li kellhom jagħżlu terminazzjoni medika ta’ tqala. Xi wħud minnhom lanqas ma jaqgħu perfettament f’kamp jew ieħor ideoloġikament iżda jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom minn bżonn,” qalet Gauci.
Hija ċċarat ukoll is-sensazzjonaliżmu u l-interpretazzjoni ħażina tal-fatti minn dawk tal-kampanja pro-life.
“Is-sensazzjonaliżmu u l-karrikamenti ħżiena tal-fatti mediċi, bħal pereżempju fuq id-daqs ta’ embrijun, li ħafna drabi jintużaw biex iqarraq ma’ persuni b’ftit jew xejn għarfien mediku, għandhom jiġu mfittxija u kkoreġuti mill-istampa,” qalet.