Borg jgħid li l-poplu Malti u Għawdxi ghatxan għal bidla

Għall-ewwel darba minn meta laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg mexxa mass meeting li sejjaħlu bħala mument storiku ta’ għaqda u direzzjoni ġdida

Ritratt: PN
Ritratt: PN

Quddiem numru ta’ partitarji u membri parlamentari, fosthom l-eks Kap Adrian Delia, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello u l-Viċi Kap Alex Perici Calascione, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg indirizza diskors li hu stess sejjaħlu bħala mument storiku ta’ għaqda u direzzjoni ġdida għall-partit.“

Il-bidu tad-diskors tiegħu kien immarkat minn ringrazzjament lejn il-kapijiet tal-passat. Borg semma lil George Borg Olivier bħala “missier Malta indipendenti” u lil Eddie Fenech Adami bħala “missier Malta Ewropea”, filwaqt li rringrazzja wkoll lil Lawrence Gonzi, Simon Busuttil, Adrian Delia u Bernard Grech għall-kontribut tagħhom.

“Dan hu l-piż u l-unur li fdajtuni bih,” qal Borg, “li mmexxi partit glorjuż u li nirrapreżenta l-vuċi tagħkom kollha.”

‘Mhux biex innaqqsu d-distakk, imma biex nirbħu’

Borg qal li l-entużjażmu fost il-partitarji fi żmien il-kampanja li għadha kif għaddiet kien sinjal ċar ta’ tama ġdida. “L-għajta tiegħi kienet waħda ċara: ma ninsabx hawn biex innaqqas id-distakk, imma biex nirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.”

Huwa sostna li l-Partit Nazzjonalista għandu jattira dawk l-eluf ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin li llum jew ma jivvutawx jew tilfu l-fiduċja fil-politika. “Dawn huma rġiel u nisa, żgħażagħ u anzjani li mhumiex bilfors ma’ partit wieħed, imma jridu futur aħjar,” spjega.

Għaqda u programm politiku

Il-Kap tal-PN tenna li kull darba li l-partit għaqqad lill-poplu, rebaħ l-elezzjoni. “Mela dan hu li rridu nagħmlu – naqdu lill-partit, nagħqdu lill-pajjiż u niksbu rebħa,” qal.

Huwa ċċara wkoll li ma jarax lilu nnifsu bħala mexxej b’għedewwa politiċi, għax “l-uniku għedewwa tiegħi huma dawk li ma jħobbux lill-pajjiż.”

Fil-parti politika tad-diskors, Borg wiegħed li l-PN ser jiffoka fuq tnaqqis fit-traffiku, l-affordabbiltà tal-proprjetà, titjib fis-servizzi tas-saħħa, kif ukoll investiment fil-prevenzjoni u fis-saħħa mentali. “Din se tkun it-tarka tagħna,” qal, “biex inkunu tassew mal-poplu Malti u Għawdxi.”

Kritika lill-Gvern

Borg ma naqasx milli jindirizza wkoll il-politika tal-Gvern preżenti, u qal li Prim Ministru Robert Abela qed jattakkah, lilu u lil-sħabu. Madankollu, sostna li l-PN ser jibqa’ miexi fuq in-naħa tas-sewwa.

Fuq l-ippjanar u l-ambjent, sejjaħ għal bidla ta’ direzzjoni: “Ejja nkunu man-naħa tal-poplu fuq l-abbozzi tal-ippjanar, ejja naraw progress li tassew jaqdi lill-Maltin u l-Għawdxin.”

Il-messaġġ ewlieni tad-diskors kien wieħed ta’ kuraġġ u għaqda, b’Borg jiddikjara li “għadda ż-żmien tal-blu u l-aħmar – irridu naraw biss il-bandiera l-abjad u l-aħmar.”

More in Politika