Tonio Fenech jerġa’ jitfaċċa

Wara snin ta’ nuqqas mill-politika, l-Eks Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech deher f’attività politika tal-PN 

Tonio Fenech, l-Eks Ministru tal-Finanzi, jerġa’ jitfaċċa f’attività politika
Tonio Fenech, l-Eks Ministru tal-Finanzi, jerġa’ jitfaċċa f’attività politika

Wara snin twal ’il bogħod mill-għajn pubblika, l-Eks Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech deher f’attività politika tal-Partit Nazzjonalista. Hu kien preżenti għall-ewwel Q&A taż-żgħażagħ mal-Kap il-ġdid tal-Oppożizzjoni, Alex Borg, bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza. Il-preżenza tiegħu, wara tant żmien ’il bogħod mill-PN, qajmet sorpriża u diversi mistoqsijiet. 

Tul il-kampanja għall-elezzjoni ta’ kap, Borg qatt ma ċaħad li Fenech jista’ jkun parti minn tim ta’ professjonisti li wiegħed li se jwaqqaf biex jgħinu lill-partit isolvi l-problemi finanzjarji tiegħu. 

S’issa, Borg għadu ma waqqafx dan il-grupp imma l-preżenza ta’ Fenech f’din l-attività saħħet il-fehma ta’ ħafna li l-Eks Ministru tal-Finanzi fil-gvern ta’ Lawrence Gonzi jista’ jirritorna lura fl-istrutturi tal-partit.  

Fenech kien Segretarju Parlamentari responsabbli mill-finanzi bejn l-2004 u l-2008. Wara l-elezzjoni tal-2008 hu nħatar Ministru tal-Finanzi fi żmien meta d-dinja ntlaqtet minn kriżi finanzjarja. Dan kien żmien li fih il-gvern ħa diversi miżuri ta’ awsterità biex jilqa’ għall-kriżi u li ħolqu diżgwid soċjali.  

Fis-snin li ilu nieqes mill-politika, Fenech involva ruħu b’mod attiv fl-għaqda Life Network, li hi ispirata mit-twemmin Nisrani u li kkampanjat bil-qawwi kontra l-abort u t-tibdiliet progressivi fil-liġi tal-IVF. Fenech qatt ma ħeba t-twemmin Nisrani tiegħu u saħansitra fl-2011, meta kien għadu deputat fil-Parlament, kien tkellem kontra d-dħul tad-divorzju waqt il-kampanja referendarja b’referenza għall-Madonna ‘li qed tibki’.  

Lil hinn mill-karriera politika, Fenech kien involut fil-kontroversja tal-Falcon Funds, fond finanzjarju Żvediż li Fenech kien responsabbli minnu fil-kapaċità professjonali tiegħu. L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji Maltija (MFSA) widdbet lil Fenech minħabba nuqqas ta’ sorveljanza tal-fond li tilef miljuni ta’ ewro u affettwa pensjonanti u investituri Żvediżi.  

Filwaqt li Alex Borg qed jipprova jagħti dehra iktar żagħżugħa lill-PN, il-preżenza ta’ Tonio Fenech tindika li l-kap il-ġdid lest li joħroġ idu għall-eks politiċi Nazzjonalisti biex iżewwaq il-ġdid mal-esperjenza. X’impatt jista’ jkollu dan fuq kif iħares l-elettorat lejn il-PN għad irid isir magħruf.  

 

More in Politika