Ir-rebħa ta’ Borg kienet rebħa kontra l-PN l-antik

Minkejja l-forzi kollha fil-Partit Nazzjonalista, Alex Borg l-Għawdxi ta’ 30 sena rnexxielu jirbaħ b’44 vot

Minkejja l-forzi kollha fil-Partit Nazzjonalista, anke minn dawk li beżqu lil Adrian Delia, Alex Borg l-Għawdxi ta’ 30 sena rnexxielu jirbaħ b’44 vot wara elezzjoni medjokri bejn dik li kienet imsejħa bħala ‘tiġrija bejn żewġt iħbieb.’ 

In-nies ta’ Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew, il-Blue Heroes, id-deputati anzjani tal-PN, inkluż nies bħal Jason Azzopardi, in-nies ta’ Repubblika mmexxija minn Robert Aquilna, l-istrateġista Richard Cachia Caruana, il-ġurnalista Peppi Azzopardi, il-qassis politiku Joe Borg, u ħafna oħrajn inkluż kummentaturi li jiktbu fil-gazzetta The Times, ma kinux biżżejjed flimkien biex iwaqqfu lil Alex Borg. 

L-unika għajnuna li kellu Borg kienet minn nies żgħażagħ professjonali bi ftit għeruq fil-PN u n-nies ta’ Bernard Grech, inkluż l-istrateġista politiku ta’ Grech, Ray Bezzina. U dan minkejja li n-nies ta’ Grech kienu kontra Borg qabel ma daħal fit-tiġrija Delia.  

L-argument li l-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, missier ta’ sitt itfal u persuna żbukkata kien inbidel u ma kienx għadu l-persuna ferfuxi tal-passat, kien tqajjem minn sieħbu fil-business. Infatti kien Gheorg Sapiano li argumenta li Delia, li flimkien miegħu kien bena uffiċċju legali, kien raġel mibdul u differenti għalkollox. Sapiano, magħruf l-aktar bħala politiku fallut u pompuż, kien argumenta kontra l-għażla ta’ Borg. 

Borg, li ma kellu l-ebda esperjenza twila fil-politika imma kien għamel suċċess kbira fl-aħħar elezzjoni fil-gżira Għawdxija, kien wera mill-bidu nett li kellu interess fil-pożizzjoni ta’ kap.  

 

 

Tant hu hekk illi f’artiklu kontroversjali li ġie ppubblikat f’dan il-ġurnal f’Mejju, kien inkiteb li Alex Borg kien qed jippożizzjona lilu nnifsu għall-kap, u dan fid-dawl ta’ kif l-eks kap Bernard Grech kien tilef kull opportunità li jagħmel xi avvanz politiku. 

Borg ma kellu l-ebda ‘appoġġ’ pubbliku speċjali. Tant hu hekk li l-uniku deputat li kellu l-kuraġġ juri l-appoġġ lejh kien Tony Bezzina. L-ebda deputat ieħor ma kellu s-sinsla joħroġ għonqu għalih; sintomu tal-apatija enormi fil-klassi antika tad-deputati Nazzjonalista. 

Il-kamp ta’ Delia kien beda ħażin fil-kampanja imma hekk kif il-kampanja estendiet fil-ġranet tas-sajf, Delia, li kien minn taħt, beda juri avvanzi fuq Borg. Żewġ sondaġġi interni wrew li Delia kellu maġġoranza fuq Borg b’1,800 sa 2,000 vot. Imma kien hemm persentaġġ ta’ voti, madwar 30% li kienu indeċiżi u l-biċċa l-kbira minnhom kienu nisa. 

Borg kien konxju minn dan u għamel minn kollox biex jattakka din is-sezzjoni b’mod aggressiv fl-aħħar ġimgħa. 

Jgħidu x’jgħidu, il-personalità u l-imġiba ta’ Alex Borg u s-sieħba tiegħu jagħmlu l-koppja aċċettabbli ħafna għall-pubbliku Malti u Għawdxi. It-tnejn li huma persuni eleganti — biex ma ngħidux attraenti — u ma’ dan hemm il-fatt li Alex Borg jitkellem b’mod kajman u moderat, minkejja li hemm bosta li jgħajruh konservattiv u favur in-negozji l-kbar. 

L-iktar element importanti għal dawk li appoġġjaw lil Borg hu li jafu li l-PL jibża’ minn Borg u li riedu lil Delia bħala kap tal-PN. 

Il-mistoqsija fuq dawk qrib Borg hija jekk Robert Abela hux se jiddeċiedi li jmur għal elezzjoni bikrija. Huma jargumentaw li mhux ideali jagħmel hekk, imma jekk il-Prim Ministru jieħu din id-deċiżjoni, huma konvinti li l-enerġija ta’ Borg kapaċi tgħaqqad lill-PN f’qasir żmien u tattira armata voluntiera. 

Tant huma konvinti minn dan, li fi ħdan il-PN diġà hemm ħsieb biex il-PN ikun lest għal elezzjoni bikrija.  

 

More in Politika