"Itlaq 'l hemm" Cassola jgħid lid-deputat sindku tas-Swieqi

Id-Deputat Sindku tas-Swieqi Jordan Galea Pace jippubblika messaġġi jaħarqu bejnu u bejn Arnold Cassola 

Id-Deputat Sindku tas-Swieqi Jordan Galea Pace jippubblika ritratti ta' messaġġi bejnu u bejn iċ-Chairperson tal-partit Momentum Arnold Cassola fejn Cassola jidher li qed jikkompara lil Galea Pace mad-dittatur Korean Kim-Il Jung u qed jgħidlu "Piss off" (Itlaq 'l hemm, bil-Malti).

Cassola, flimkien ma' residenti oħra mis-Swieqi, se jkunu qed jipprotestaw kontra problemi li skonthom qed jaffettwaw il-ħajja tar-residenti kollha riżultat ta' nuqqas ta' infurzar, bħal storbju u konġestjoni.

Galea Pace akkuża lil Cassola li qed jisfruta "sitwazzjoni delikata u frustranti" għal interessi politiċi, u għal din ir-raġuni fost oħrajn, Galea Pace irrifjuta li jitkellem waqt il-protesta ta' nhar is-Sibt. Id-Deputat Sindku qal li fost ir-raġunijiet għala ma riedx jitkellem waqt il-protesta hi l-fatt li l-kunsill diġa qed jaħdem fuq din il-biċċa u qed iħalli frott dan ix-xogħol, kif ukoll li hu ma jridx juża l-frustrazzjoni tan-nies għal gwadan politiku.

Galea Pace innifsu mhux l-ewwel darba li uża l-mezzi soċjali sabiex jitkellem fuq problemi simili li jaffaċjaw fis-Swieqi.

Wara li seħħ dan kollu l-Ġimgħa filgħaxija, is-Sibt filgħodu l-kunsill lokalli tas-Swieqi ppubblika stqarrija fejn qal li ilu snin jinsisti għal azzjoni serja sabiex ir-residenti jkunu jistgħu jgawdu s-Swieqi kif suppost imma l-Gvern baqa' m'għamel xejn għal dan ir-raħal.

"Minkejja l-ħafna laqgħat li saru tul iż-żmien mal-Prim Ministru, ma’ għadd ta’ Ministri, ma’ Segretarji Parlamentari u ma’ oħrajn f’diversi awtoritajiet, u minkejja l-proposti mressqa, l-appelli kollha waqgħu fuq widnejn torox u l-Gvern baqa’ magħamel xejn."

Fl-istqarrija, l-kunsill ħareġ b'12-il proposta li ressaq quddiem il-Gvern f'Lulju li għadda: Moratorju fuq il-permessi, klassifikazzjoni legali ġdida għall-kiri fil-qosor taħt commercial uses, limiti fuq dawn il-kiri fil-qosor miftiehem mill-Awtorita' tat-Turiżmu Malti (MTA), liċenzjar u ppjanar kundizzjonali mill-MTA, regolamenti modernizzati, rekwiżit tal-immaniġġjar tal-iskart, garanzija tas-sidien, infurzar konġunt mal-MTA u l-kunsill, pulizija msaħħa b'rondi regolari bil-lejl, restrizzjoni fuq il-ħinijiet tal-bejgħ tal-alkoħol mill-ħwienet u multi fuq il-post. 

More in Politika