Il-Partit Nazzjonalista qal nhar it-Tnejn li l-Ministru tal-Ippjanar Clint Camilleri “ħaferha sew fir-riforma u issa ammetta”.
"Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod reattiv u kaotiku li bih il-Gvern Laburista qiegħed taparsi jmexxi s-suppost riforma fis-sistema tal-ippjanar,” intqal fi stqarrija bħala reazzjoni għal intervista tal-ministru.
Il-Ħadd, Camilleri qal lit-Times of Malta li biħsiebu jirtira elementi ewlenin tar-riforma kontroversjali wara l-indignazzjoni pubblika mifruxa.
Il-PN qal li din ir-risposta hi xhieda ċara tal-approċċ “arroganti, bla pjan u bla ħsieb” tal-gvern.
“Wara snin twal ta’ stennija għal riforma, huwa biss issa li l-Ministru Clint Camilleri qed jinduna kemm ħafna affarijiet ma kkunsidrahomx jew ma indunax bihom meta ressaq dawn il-liġijiet. Dan juri biss l-inkompetenza grassa minn naħa tal-Ministru jew inkella li llum qed jagħmel biss dak li jidhirlu konvenjenti. Hi x’inhi r-raġuni, il-pajjiż qed iħallas il-prezz ta’ Gvern li mhux serju u bla pjan,” sostna l-PN.
Il-partit insista li dak li l-gvern qed ibigħ bħala “aspirazzjoni” fil-fatt hu t-tgħaffiġ tas-sistema tal-ippjanar permezz ta’ indħil politiku dirett u deċiżjonijiet ta’ individwi magħżula mill-gvern mingħajr studju, konsultazzjoni pubblika jew skrutinju parlamentari serju.
“Il-Partit Nazzjonalista jinnota li taħt pressjoni kontinwa mill-Oppożizzjoni, mill-NGOs u mill-pubbliku, il-Gvern issa beda jċedi. Dan ifisser li l-pressjoni qed taħdem, iżda mhux biżżejjed. Kif digà insistejna, l-abbozzi għandhom jiġu rtirati kompletament u l-proċess irid jibda mill-bidu b’konsultazzjoni serja u viżjoni ċara,” żied jgħid il-PN.
Skont il-partit, Malta teħtieġ riforma serja, trasparenti u ġusta tas-sistema tal-ippjanar. “Il-gvernijiet Laburisti suċċessivi ħallew il-qafas jikkrolla, iżidu l-ambigwità u d-diskrezzjoni fl-interpretazzjoni filwaqt li naqqsu l-prevedibbiltà.”
“Minflok viżjoni fit-tul fl-interess tal-komunitajiet tagħna, għat-tisħiħ tal-ekonomija, għat-tisbiħ tal-ambjent u għall-preservazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali u storiku tagħna, dak li jrid il-Gvern imur kontra kull prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli, id-dritt fundamentali għal ambjent nadif u b’saħħtu, ta’ ġustizzja u ta’ governanza tajba.”
Il-PN qal li se jkompli jmexxi djalogu u konsultazzjoni miftuħa dwar ir-riforma.
Il-partit qed jipproponi mekkaniżmu strutturat u formali li jiġbor flimkien lill-applikanti, l-oġġetturi, il-kunsilli lokali, l-NGOs u l-uffiċjali tal-każ biex jispjegaw, jaġġustaw u jikkjarifikaw il-kunflitti. "
Dan iqassar iż-żmien tal-proċess tal-applikazzjoni għaliex inaqqas l-inċertezza legali u jikkjarifika minn kmieni interpertazzjonijiet possibilment żbaljati, iżid il-konsistenza, isaħħaħ il-fiduċja fl-Awtorità tal-Ippjanar, itejjeb il-kwalità tal-iżvilupp u jagħti leħen veru liċ-ċittadin."