Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Gvern qed jieħu passi serji kontra dawk li jevitaw il-ħlas tat-taxxa, u wissa li min ma jħallasx dak li għandu jħallas ma jibqax jingħata ċans jaħrab.
“L-ebda Gvern qabilna ma investa daqshekk fis-sistema tal-ġbir tat-taxxa, u dan sar b’intenzjoni,” qal Caruana waqt dibattitu fil-Parlament dwar emendi fil-liġi tat-taxxa.
Caruana qal li sistema ġdida li ġiet implimentata żiedet b’mod sinifikanti is-sorveljanza fuq dawk li jevitaw it-taxxa, u 80% tal-persuni identifikati mis-sistema nstabu li kienu jevitaw il-ħlas. Din is-sistema kapaċi tisskenja l-kontribwenti kollha f’Malta f’ġurnata waħda, u b’dan il-mod l-awtoritajiet jistgħu jidentifikaw min ma ħallasx. Dawn l-iskans isiru kull xahar.
Huwa żied jgħid li s-sistema kapaċi toħloq audit trails, jiġifieri traċċi ta’ kontroll, li jipprovdu data lill-awtoritajiet biex jiġu identifikati irregolaritajiet.
Caruana kkritika wkoll bil-qawwa lill-Oppożizzjoni għal dak li qalet il-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri li l-abbozz ta’ liġi qed “jippremja l-evażjoni tat-taxxa”, u qal li dawn l-akkużi huma foloz.
Fi stqarrija, il-Kelliem għall-Finanzi tal-Oppożizzjoni Graham Bencini wera t-tħassib tiegħu li l-abbozz jidher li qed jiffavorixxi persuni li għandhom każijiet fil-Qorti relatati mal-evażjoni tat-taxxa jew dejn mhux imħallas mal-istat. Huwa saħansitra allega li wieħed mill-benefiċjarji potenzjali huwa eks-klijent tal-Prim Ministru, u qal li flok jippromwovi din il-liġi, il-Gvern għandu jiffoka fuq skemi ta’ ħlas aktar flessibbli u tnaqqis fl-imgħax u l-multi biex jgħin lill-intrapriżi żgħar u medji.
Caruana qal li l-multi tal-Gvern għall-evażjoni tat-taxxa żdiedu b’mod sostanzjali, b’rata ta’ penali li telgħet minn 15% għal 25% tal-ammont dovut.
Bħala eżempju, qal li jekk xi ħadd għandu jħallas €1 miljun f’taxxi, minbarra dan l-ammont ikollu jħallas €1 miljun ieħor, €136,000 imgħax, u l-multa. “Dan ifisser li l-Gvern ikun irkupra €1.5 miljun oħra,” qal Caruana fil-Parlament. “Għandi d-dover niġbor dak li hu dovut.”
Hu sostna li ma jagħmilx sens li tibgħat in-nies il-ħabs, u li billi l-multi żdiedu, il-Gvern qed jiġbor aktar flus u qed iħeġġeġ lin-nies biex jitbiegħdu mill-ħsieb li jevitaw it-taxxa. “Meta n-nies ġew ifittxu l-għajnuna, il-Gvern qatt ma qagħad lura,” qal il-Ministru.
Żied jgħid li l-ġbir imtejjeb tat-taxxa kkontribwixxa biex id-defiċit ta’ Malta jonqos, kif irrimarkaw ukoll il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea.
Caruana temm billi qal li żamm kelmtu meta ddikjara li l-Gvern kien se jħabbat wiċċu direttament mal-evażjoni tat-taxxa. “Dak li hemm xi jinġabar, se jinġabar,” qal.
Waqt l-istess dibattitu, il-Ministru għal-Ġustizzja Jonathan Attard qal li l-abbozz mhux biss jipprovdi triq biex jiġu solvuti nuqqasijiet fiskali u amministrattivi, iżda wkoll biex titjieb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.
“X’irridu bħala pajjiż?” staqsa Attard. “Nirrikorru għal proċessi twal fil-Qrati li jdumu u jiswew ħafna, jew niżguraw li n-nies iħallsu dak li għandhom—taxxa, imgħax u penali sinifikanti?”
Qal li l-abbozz mhux biss għandu l-għan li jistabbilixxi sistema aktar ġusta, iżda wkoll li jinkoraġġixxi aktar nies joħorġu volontarjament, jħallsu d-dejn tagħhom u jħallsu wkoll il-penali, sabiex jitissaħħaħ il-konformità.