Malta trid tirrikonoxxi l-Palestina immedjatament jgħid Edward Zammit Lewis

Deputat Laburista jgħid li Malta "għandha tagħmel dan il-pass issa minnufih" fir-rigward tar-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan

Id-deputat Laburista u ċ-chairperson tal-kumitat parlamentari tal-affarijiet barranin Edward Zammit Lewis qal li Malta għandha tirrikonoxxi immedjatament l-Istat Palestinjan, wara li Franza ħabbret li se tagħmel dan fil-Laqgħa Ġenerali li jmiss tan-Nazzjonijiet Magħquda (NM) f’Settembru.

Zammit Lewis qal li r-rikonoxximent ta’ Franza huwa pass importanti, minħabba li hija membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NM u tal-G7. Madankollu, qal li Malta wkoll għandha tagħmel dan il-pass issa.

“Jiena dejjem għedt li Malta għandha tagħmel dan il-pass iżda tagħżel il-mument b’kawtela. Illum ngħid li Malta għandha tagħmel dan il-pass issa minnufih, iżda għandu jibqa’ jsir xogħol importanti ha tinbena alleanza fuq l-livell Ewropew u dinji favur il-Palestina u kontra l-atroċitajiet inaċċettabli li qed isiru f’Gaza li ma nistgħux nibqgħu ninjorawhom," kiteb Zammit Lewis fuq Facebook.

Zammit Lewis qal li qed jinkoraġġixxi lill-Prim Ministru Robert Abela u lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għal;-Affarijiet Barranin Ian Borg biex iwettqu dan immedjatament.

Malta kienet qalet li se tirrikonoxxi l-Istat Palestinjan, iżda s’issa għadha ma għamlitx dan il-pass. Abela kien indika li dan kellu jsir waqt laqgħa tan-NM li kienet skedata għal Ġunju, iżda din ġiet posposta wara li Iżrael attakkat lill-Iran.

Wara dan, il-gvern qal li jibqa’ impenjat li jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan ladarba jkunu ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet xierqa.

More in Politika