Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-ministru għas-saħħa Jo Etienne Abela li qed jagħmel diversi U-turns dwar il-futur tal-Isptar Monte Karmeli, u sostna li minflok iwieġeb għall-kritika dwar il-kriżi fil-qasam tas-saħħa mentali, il-ministru qed jattakka lill-Oppożizzjoni.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal kummenti tal-ministru fuq il-midja soċjali wara konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-PN, l-Oppożizzjoni qalet li l-gvern diġà biddel direzzjoni diversi drabi fuq Monte Karmeli – l-ewwel billi ħabbar li se jagħlaq l-isptar, wara qal li se jżommu, u issa reġa’ qal li se jingħalaq b’deċiżjoni “soda”.
Il-PN insista li ilu jressaq pożizzjoni konsistenti: li l-isptar Monte Karmeli ma jagħtix aktar kura adegwata u għandu jingħalaq, b’alternattiva moderna li tipprovdi servizz xieraq. Il-partit saħaq li ilu jiddiskuti l-bżonn li s-saħħa mentali tiġi ttrattata bl-istess serjetà bħall-kura fiżika, u fakkar li l-proposti li qed isemmi l-ministru kienu diġà s-suġġett ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders mill-PN.
L-Oppożizzjoni rrimarkat ukoll li proġetti bħal sptar ġdid tas-saħħa mentali ġew imwiegħda diversi drabi iżda sa issa ma twettqux, minkejja li ntefqu miljuni f’preparamenti. Il-PN qal li għandu jkun hemm investiment serju u trasparenza fil-mod kif il-gvern qed imexxi l-proġetti infrastrutturali f’dan il-qasam.
Rigward it-taħriġ fl-ewwel għajnuna għall-kura mentali, il-PN fakkar li ilu jsejjaħ għal korsijiet obbligatorji għal kull min jaħdem f’dan il-qasam u osserva li xi miżuri li daħlu b’reċenti kienu parti mill-proposti tiegħu stess.
Il-PN staqsa wkoll dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Kap Eżekuttiv ta’ Monte Karmeli, li kienet ġiet sospiża iżda jidher li reġgħet irritornat fil-kariga. L-Oppożizzjoni talbet spjegazzjoni dwar jekk din id-deċiżjoni hix konfermata, x’wassal għar-ritorn tagħha u x’kien ir-riżultat tal-investigazzjoni dwar l-irregolaritajiet li wasslu għas-sospensjoni tagħha 12-il ġimgħa ilu.
Il-PN temm billi qal li l-ministru għandu jwieġeb għall-mistoqsijiet tan-nies u jieħu azzjoni konkreta dwar l-istat tas-servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali, fid-dawl tal-fatt li fl-2024, 2,200 persuna daħlu b’każ ta’ saħħa mentali mill-Emerġenza — medja ta’ sitt kuljum.