Deficit tal-Gvern jitla’ għal €457 miljun sal-ewwel nofs tal-2025

Minkejja żieda fid-dħul, l-infiq pubbliku dejjem jikber wassal għal deficit rekord fil-Fond Konsolidat tal-Gvern

Il-Gvern Malti irreġistra deficit ta’ €457.4 miljun bejn Jannar u Ġunju 2025 – kważi ħames darbiet akbar mill-figura ta’ sena qabel. Dan jirrifletti żieda fl-infiq pubbliku li qabżet b’mod sinifikanti d-dħul, minkejja żieda ta’ €69.6 miljun fid-dħul rikorrenti meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2024.

Id-dħul żdied l-aktar mis-Sigurtà Soċjali, mid-dazji u s-sisa u mit-taxxa fuq id-dħul, iżda kien hemm tnaqqis fl-għotjiet, fil-VAT u fid-dħul mixxellanji. Fl-istess waqt, in-nefqa rikorrenti laħqet €3.4 biljun, b’żidiet sinifikanti fil-programmi soċjali – fosthom il-benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali, l-appoġġ lill-iskejjel tal-Knisja u miżuri relatati mal-enerġija.

L-infiq fuq salarji u kontribuzzjonijiet lill-entitajiet tal-gvern ukoll kompla jogħla, kif ukoll l-imgħax fuq id-dejn, li kien ta’ €143.9 miljun. Fl-istess perjodu, il-Gvern investa wkoll f’proġetti kapitali bħat-tieni interconnector tal-elettriku u l-inizjattiva REPowerEU.

B’konsegwenza ta’ dawn l-iżviluppi, id-dejn pubbliku issa jinsab qrib il-€11-il biljun, żieda ta’ aktar minn biljun f’sena. L-akbar kontribut għal din iż-żieda kien mit-tkabbir fl-istokks tal-Gvern ta’ Malta, kif ukoll minn strumenti oħra ta’ self pubbliku. Din il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi qed tqajjem tħassib dwar kif il-Gvern se jżomm l-infiq tiegħu sostenibbli, partikolarment jekk id-deficit ikompli jespandi.

More in Politika