Il-kumpanija li qiegħda fiċ-ċentru tal-kontroversja rigward il-Gżira Manoel, il-MIDI, qalet li hija lesta ssib "soluzzjoni biex il-Gżira Manoel terġa' lura għand il-Gvern."
Fejn qabel il-kumpanija kienet qed tagħmel minn kollox biex il-konċessjoni tibqa' f'idejha, il-Ħadd filgħaxija bidlet kompletament il-pożizzjoni tagħha meta ħabbret li hija "lesta tidħol f'negozjati kostruttivi mal-Gvern, iggwidati bl-impenn li nħarsu l-interess pubbliku".
Il-bidla fil-pożizzjoni tal-MIDI ġiet mill-fatt illi l-Gvern qed jissottolinja x-xewqa tiegħu biex il-Gżira Manoel tinbidel f'park nazzjonali. U għalhekk, il-kumpanija qalet li hija "lesta li tilħaq ftehim li jirrefletti l-politiki nazzjonali ta' bħalissa li huma ċarament differenti minn dawk ta' meta l-konċessjoni ngħatat."
Il-MIDI temmew billi qalu li lesti jkomplu jaġixxu b'rieda tajba sabiex l-għan tal-Gvern li jieħdu lura l-Gżira Manoel jintlaħaq.
Rebħa żgħira għall-NGOs
Din il-bidla fil-pożizzjoni tal-MIDI hija wkoll rebħa ċkejkna għall-NGOs li fetħu l-petizzjoni biex il-Gżira Manoel tinbidel f'park nazzjonali, liema petizzjoni ġabret mad-29,000 firma.
Il-petizzjoni, li kienet immexxija l-iktar mill-Moviment Graffitti u Flimkien Għal Ambjent Aħjar, sabet l-appoġġ ta' numru ta' personaġġi sinifikanti, inklużi l-eks Prim Ministri Alfred Sant u Lawrenz Gonzi; l-eks Ministru Evarist Bartolo; il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras; il-Membru Parlamentari Edward Zammit Lewis; u numru ta' membri parlamentari Nazzjonalisti oħrajn.