Il-Moviment Graffitti jopponu żvilupp 'sproporzjonat' f'Ta' Qali

Skont l-applikazzjoni tal-proġett, l-iżvilupp se jinkludi lukanda ta’ erba’ sulari, ħwienet, ristoranti, kif ukoll numru ta' faċilitajiet sportivi privati bħal żewġ pitches sħaħ tar-rugby, żewġ grounds sħaħ tal-futbol, trakka għall-isprintjar, sitt courts tat-tennis, tnax-il court tal-padel, u kumpless sportiv fuq ġewwa

Il-Moviment Graffitti qed joġġezzjonaw għal żvilupp kummerċjali "massiċċ" li qed jiġi proposta f'żona f'Ta Qali u qed jitolbu lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tirrifjuta l-applikazzjoni.

"Għalkemm il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Ta’ Qali jippermetti l-possibbiltà ta’ faċilitajiet relatati mal-isport f’din iż-żona, l-iżvilupp propost huwa kompletament sproporzjonat fid-daqs u jinkludi bosta strutturi maħsuba għal diversi tipi ta’ attività kummerċjali", qalet l-għaqda ċivili.

Fil-fatt, il-Graffitti qalu li l-iżvilupp se jinkludi lukanda ta’ erba’ sulari, ħwienet, ristoranti, kif ukoll numru ta' faċilitajiet sportivi privati bħal żewġ pitches sħaħ tar-rugby, żewġ grounds sħaħ tal-futbol, trakka għall-isprintjar, sitt courts tat-tennis, tnax-il court tal-padel, u kumpless sportiv fuq ġewwa.

L-organizzazzjoni qed targumenta li żvilupp ta' dal-kobor u li ħa toħloq daqshekk attività ħa jkollu numru ta' impatti negattivi, fosthom impatt negattiv fuq il-pajsaġġ, tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja għar-resident li joqogħdu qrib, u ħsara liż-żoni naturali protetti ta’ ħdejn dal-iżvilupp.

"F’pajjiż bħal Malta, fejn l-art hija fost l-iktar riżorsi skarsi u prezzjużi, u fejn l-iżvilupp żejjed huwa wieħed mill-akbar problemi li qed jaffaċċja pajjiżna, proġetti li jikkunsmaw daqshekk spazju aħdar u miftuħ m’għandhom lanqas biss jiġu kkunsidrati", qalet l-għaqda ċivili.

Il-Graffitti temmew billi talbu lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jirrifjutaw għalkollox l-applikazzjoni nhar il-Ħamis, 5 ta’ Ġunju, meta l-applikazzjoni se tinstema’ mill-Bord tal-Ippjanar. L-applikazzjoni hija rrakkomandata għar-rifjut mir-rapport tal-uffiċjal tal-każ tal-Awtorità tal-Ippjanar.

More in Politika