
Il-PN jattakka lill-Gvern fuq il-kriżi tal-għoli tal-ħajja; Il-PL iwieġeb
Il-Partit Nazzjonalista qed jakkuża lill-Gvern bi nuqqas ta’ azzjoni u empatija quddiem kriżi soċjo-ekonomika li, skont il-PN, qiegħda tagħfas dejjem aktar lill-familji Maltin u Għawdxin

minn Jaelle Borg

Il-Partit Nazzjonalista ġie b’akkuża diretta kontra l-Gvern Laburista, li skontu qed jonqos milli jindirizza b’mod serju u effettiv il-kriżi tal-għoli tal-ħajja li qiegħda qed tħalli impatt b’mod qawwi lill-familji. F’konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tlieta filgħodu, il-kelliema tal-PN qalu li ċ-ċifri uffiċjali juru biċ-ċar li l-prezzijiet qed jogħlew b’rata allarmanti, u li l-miżuri attwali tal-Gvern huma mhux biss inadegwati, iżda wkoll inġusti.
Il-kelliema tal-oppożizzjoni Ivan Castillo u Jerome Caruana Cilia flimkien mal-kandidat David Pace Ross enfasizzaw kif iż-żewġ indici ewlenin tal-prezzijiet — l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur (HICP) u l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) — kollha juru żidiet kontinwi. F’Marzu l-HICP kien ta’ 2.1%, iżda f’April tela’ għal 2.6%. L-RPI għamel l-istess żieda, minn 2.1% għal 2.4%.
Skont il-PN, dawn iż-żidiet mhux biss huma attribwibbli għal fatturi internazzjonali, iżda huma wkoll ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ ppjanar u għażliet żbaljati fil-prijoritajiet tal-Gvern. “Il-Gvern mhux qed jifhem jew iħoss il-polz tan-nies,” qal Castillo.
Affarijiet bażiċi mhux aktar aċċessibbli
Il-PN saħaq li l-aktar żidiet notevoli qed jinħassu f’oġġetti ta’ bżonn bħal ħalib, ħobż, ħaxix u mediċini. Dan apparti minn spejjeż li qed jogħlew b’mod sinifikanti fil-qasam tat-trasport u l-edukazzjoni. L-Oppożizzjoni rrimarkat ukoll li l-COLA, il-mekkaniżmu statali biex jikkumpensa għall-għoli tal-ħajja, mhux biss ma jlaħħaqx mar-rata ta’ inflazzjoni, iżda għadu suġġett għal taxxa.
Studju reċenti mill-Caritas Malta kkonferma li l-ispejjeż tal-għajxien bażiku żdiedu b’mod sostanzjali mill-2020. Żewġ adulti b’żewġt itfal, per eżempju, għandhom bżonn €5,207 aktar fis-sena biex jgħixu ħajja diċenti meta mqabbla ma’ erba’ snin ilu. Min-naħa l-oħra, il-pagi għall-impjiegi elementari żdiedu b’€3,003 biss.
Il-PN jressaq pjan alternattiv
Quddiem din is-sitwazzjoni, il-PN mhux biss ġie b’kritika, iżda ppreżenta wkoll sett ta’ proposti li, skontu, jistgħu jtaffu l-pressjoni fuq il-familji u n-negozji. Dawn jinkludu: tneħħija tat-taxxa fuq il-COLA, eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 ta’ dħul minn xogħol part-time u overtime, tax credits lin-negozji fuq spejjeż operattivi miżjuda u fond speċjali għall-importazzjoni u l-esportazzjoni biex jindirizza l-isfidi fil-loġistika
Il-PN qed isejjaħ ukoll għal politika fit-tul ibbażata fuq produttività u modernizzazzjoni tal-ekonomija. Jipproponi investiment fit-teknoloġija u fis-setturi emerġenti, kif ukoll programm nazzjonali ta’ skilling u re-skilling biex jitnaqqas id-dipendenza fuq ħaddiema barranin b’ħiliet baxxi.
"In-nies mhumiex numri"
“L-ekonomija ma tfissirx xejn jekk il-ġid ma jintlaħaqx mill-familji,” saħqu l-kelliema tal-PN. Huma wissew li, filwaqt li l-istatistika turi tkabbir, dan ma jirriflettix fil-bwiet tal-familji li qed ibatu biex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.
Il-PN appella għal viżjoni li toħloq ġid reali u mhux biss fuq il-karta. “In-nies mhumiex numri. Tridu tisma’ lil dawk li qed ibatu u taġixxu issa, mhux tistennew aktar waqt li l-familji jitfgħu sagrifiċċji fuq sagrifiċċji biex jgħixu,” temm jgħid Castillo.
Stqarrija mill-PL
Il-Partit Laburista wieġeb għad-dikjarazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista dwar il-miżuri kontra l-għoli tal-ħajja, u sostna li s-“soluzzjonijiet konkreti” tal-PN mhumiex ħlief proposti ta’ awsterità li jħallu s-suq isuq.
Il-PL fakkar li l-PN diġà wera din il-mentalità meta f’okkażjonijiet passati sostna li l-prezz tal-enerġija għandu jiżdied skont l-andament internazzjonali taż-żejt, u saħansitra talab liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija – xi ħaġa li skont il-Gvern kienet tfisser kontijiet ogħla għal kulħadd.
Il-PL kompla jgħid li l-istess PN kien oppona l-iskema ‘Stabbiltà’ introdotta mill-Gvern Laburista, skema li kienet tinkludi għajnuna diretta lill-familji biex jaffaċċjaw l-għoli tal-ħajja. Il-PL sostna li l-PN saħansitra ġab esperti magħrufa għall-politiki ta’ awsterità biex jattakkaw din l-iskema u sejħulha perikoluża.
“Min darba qal li l-għoli tal-ħajja hu biss perċezzjoni, illum ma jistax jippretendi li jkun kredibbli,” qal il-PL filwaqt li fakkar li taħt il-Gvern Laburista, il-poplu ilu jibbenefika minn numru ta’ miżuri fosthom l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll għall-first-time buyers – miżura li llum il-PN qed jipproponi bħala ġdida meta fil-fatt ilha fis-seħħ snin.
Il-PL żied jgħid li l-Gvern għamel l-akbar investiment soċjali fl-istorja tal-pajjiż, b’żidiet sinifikanti fil-pensjonijiet – sa €70 fil-ġimgħa f’għaxar snin – kif ukoll żidiet fil-Children’s Allowance u tnaqqis qawwi fit-taxxa.
“Il-Gvern jibqa’ sensittiv għar-realtajiet tal-familji u se jkompli jħabbar miżuri li jgħinu lin-nies, billi jassigura li l-ġid ekonomiku jinħass minn kulħadd,” temm jgħid il-Partit Laburista.