Momentum jibqa' sod fil-ġlieda biex il-Gżira Manoel issir spazju miftuħ

'Minkejja l-viżwalizzazzjonijiet sbieħ tal-MIDI, il-proġett se jġib miegħu 'il fuq minn 1,000 vettura kuljum fuq il-gżira... Fil-ħinijiet l-aktar intensivi, se jkollna karozza kull ħames sekondi tgħaddi fuq il-pont lejn il-Gżira, fejn il-konġestjoni ħa jispiċċa jiggrava fi rħula diġà mgħobbijin wisq bit-traffiku'

(Ritratt: Arkivji)
(Ritratt: Arkivji)

Il-Partit Momentum tenna l-impenn tiegħu favur l-għan li l-Gżira Manoel tinbidel fi spazju miftuħ, u mhux f’ieħor żvilupp mimli karozzi u kummerċ. Il-partit sa mill-bidu tiegħu f’Marzu 2025 kien supporter attiv tal-kampanja nazzjonali ‘Manoel Island: Post Għalina’, u issa ħareġ ukoll filmat uffiċjali li jitlob lill-Gvern biex jerġa’ jreġġa’ lura l-kunċessjoni u jerġa’ jagħti l-gżira lill-poplu.

“Minkejja l-viżwalizzazzjonijiet sbieħ tal-MIDI, il-proġett se jġib miegħu 'il fuq minn 1,000 vettura kuljum fuq il-gżira, inklużi karozzi privati, vetturi tas-servizzi, coaches tat-turisti, u traffiku mill-marina. Fil-ħinijiet l-aktar intensivi, se jkollna karozza kull ħames sekondi tgħaddi fuq il-pont lejn il-Gżira, fejn il-konġestjoni ħa jispiċċa jiggrava fi rħula diġà mgħobbijin wisq bit-traffiku. U m'għandniex ninsew li, jiddispjaċini ngħid, kemm il-PL u kemm il-PN qablu u vvutaw biex il-Gżira Manoel tingħata għall-iżvilupp,” qal Matthew Agius, membru tal-kumitat ta' Momentum.

Momentum ikkritika wkoll il-fatt li MIDI naqsu milli jżommu mad-dati tal-għeluq oriġinali u l-fatt li fil-passat kienu għalqu l-aċċess għall-gżira lill-pubbliku, xi ħaġa li tqajjem dubji serji dwar kemm il-MIDI jistgħu tassew ikunu fdati.

Il-proġett propost mill-MIDI jinkludi 323 residenzi, faċilitajiet sportivi, spazji kummerċjali, u stabbilimenti ta’ ospitalità. Momentum saħqu li dan mhux biss ħa jaħtaf spazju naturali rari f’nofs lokalitajiet urbanizzati ħafna, imma jfisser ukoll aktar konkos, asfalt, u pressjoni fuq l-infrastruttura eżistenti.

Momentum qalu li ħa jkomplu jaħdmu id f’id ma’ bosta organizzazzjonijiet, fosthom il-Moviment Graffitti u Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), li ilhom snin jitħabtu biex il-gżira ma tintilifx għan-nies.

Il-partit għal darb’oħra ħeġġeġ lin-nies biex jiffirmaw il-petizzjoni uffiċjali fuq is-sit tal-Parlament: https://parlament.mt/en/petition?id=257

More in Politika