idher illi f’kull xahar tal-2024 kien hemm mill-inqas raġel wieħed li neħħa ħajtu bi jdejh.
Minn informazzjoni li ħarġet fil-Parlament, wara li l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ għamlet mistoqsija parlamentari lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, jidher li ma kienx hemm xahar fl-2024 fejn ma seħħx suwiċidju wieħed magħmul minn raġel.
Dan huwa konsistenti ma’ rapport ieħor li ħarġet dil-gazzetta fejn konna sibna li l-maġġoranza ta’ suwiċidji huma magħmulin mill-irġiel.
It-total tas-suwiċidji
Meta ngħoddu t-total tal-każijiet ta’ suwiċidju, jidher li fl-2024 kien hemm total ta’ 28 suwiċidju, fejn 25 minnhom kienu magħmulin mill-irġiel u tlieta min-nisa.
Dil-gazzetta kienet diġà rrappurtat fuq it-total tan-numru ta’ suwiċidji li seħħew fl-2024, iżda dil-informazzjoni ġdida tagħtina idea ta’ kemm saru suwiċidji miż-żewġ sessi.
Is-suwiċidji maqsumin xahar b’xahar
Jidher illi l-iktar xhur fejn seħħew suwiċidji kienu April u Lulju, fejn b’kollox kien hemm erba’ suwiċidji f’dawn ix-xahrejn — tlieta mill-irġiel u wieħed min-nisa.
Warajhom hemm ix-xhur ta’ Mejju, Settembru, Ottubru, u Novembru, fejn f’kull wieħed minn dawn ix-xhur kien hemm tliet suwiċidji. Filwaqt li fix-xhur ta’ Mejju, Settembru, u Novembru, is-suwiċidji twettqu kollha mill-irġiel, f’Ottubru kien hemm żewġ suwiċidji mill-irġiel u wieħed min-nisa.
Imbagħad isegwu x-xhur ta’ Jannar u Frar, fejn b’kollox kien hemm żewġ suwiċidji f’kull xahar — kollha mill-irġiel.
U fl-aħħar għandna Marzu, Ġunju, Awwissu, u Diċembru, fejn f’kull xahar kien hemm suwiċidju wieħed. U l-istess f’dawn ix-xhur, is-suwiċidji kollha twettqu mill-irġiel.