Dar Camilleri, il-kumpanija tal-pubblikazzjoni mmexxija minn Mark Camilleri, ngħatat kuntratt ta’ €25,000 mill-Kunsill Malti għall-Arti biex tfasslilha rapport.
Kelliem għall-Kunsill Malti għall-Arti kkonferma li Dar Camilleri se tkun inkarigata bil-preparazzjoni ta' rapport dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Industriji Kulturali ta’ Malta u l-Użu tal-Kapital Privat.
Il-Kunsill ma qalx kemm se jdum il-kuntratt b'kollox. Il-Kunsill Malti għall-Arti jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici.
Dar Camilleri twaqqfet minn Camilleri fl-2021 bħala dar tal-pubblikazzjoni indipendenti, ftit wara li l-kuntratt tiegħu mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ma ġġeddidx.
Is-sena li għaddiet, Mark Camilleri kkonferma li kien qed jiddiskuti mal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar il-possibbiltà li jerġa' lura mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iżda bħala konsulent. Wara li MaltaToday żvelat l-ingaġġ possibbli, Camilleri kien qal li ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt.
Fl-2021, il-kuntratt tiegħu bħala Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ma iġġeddidx mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Wara dan, Camilleri fetaħ protest ġudizzjarju kontra l-Kunsill u l-Gvern, u sostna li l-Ministru ta’ dak iż-żmien Justyne Caruana u s-Segretarju Permanenti Frank Fabri kisru l-liġi meta “għalkollox injoraw” deċiżjoni meħuda mill-membri tal-Kungress Nazzjonali tal-Ktieb fl-għażla tal-kunsill.
Fl-2022, huwa ressaq ukoll kawża kostituzzjonali, u allega diskriminazzjoni politika.
Il-qorti kkumpensatu €500 wara li ddeċidiet li Camilleri safa vittma tad-diskriminazzjoni, iżda xorta ddeċidiet li n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu bħala Chairman tal-Kunsill ma kienx illegali.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti rreferiet ukoll għal każijiet fejn Camilleri kien ikellem lill-impjegati b’mod “vulgari, insolenti u aggressiv.”