Hemm sens ta’ déjà vu, fil-pajjiż. Laburisti rassenjati li Abela huwa l-Prim Ministru tagħhom u n-Nazzjonalisti mitlufin. Jidher li xejn qisu mhu se jbiddel xejn, la l-proċeduri kriminali fil-każ Vitals li jidhru li qegħdin f’salib it-toroq, la l-Awtorità tal-Ippjanar li baqgħet toħroġ permessi bl-addoċċ u tinjora l-karba ambjentali, la l-ministri b’akkużi serji li baqgħu f’posthom, la l-ekonomija li hija vibranti u l-għira tal-Ewropa, la t-turiżmu b’numri dejjem kbar, u lanqas il-politika fjakka internazzjonali fil-konfront ta’ Iżrael. Jidher li l-Gvern għandu l-l-kunsens li jibqa’ għaddej.
Issa hekk kif deħlin fis-sajf, il-Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, nieda konsultazzjoni fuq l-ewtanasja – tema politika li sa ftit żmien ilu kienet tabù – u li biha Abela jrid jirbaħ il-lottu.
Proposta li għandha appoġġ minn għadd kbir ta’nies li tradizzjonalment tappoġġja lill-PN. Imma fl-istess ħin, il-PN, taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, huwa mitluf kif se jikkonfronta din il-proposta. Tidher li se tkun ripetizzjoni tal-argument politiku għall-ugwaljanza fil-ġeneru fejn Simon Busuttil li kien kap tal-PN kien wera dgħufija.
Il-problema ta’ Grech hi li għandu massa ta’ diriġenti li huma konservattivi u li jaħsbu li l-kostitwenza tagħhom huma voċiferi kontra l-introduzzjoni tal-ewtanasja. Imma min-naħa l-oħra jaf li hemm faxxa liberali li jaħsbuha differenti. Faxxa ta’ votanti li hija kruċjali għall-PN ukoll.
Abela dan jafu, u jaf ukoll li din tal-ewtanasja tista’ tappella bħala tema għal-liberali u ż-żgħażagħ; żewġ setturi fejn il-Labour għandu defiċit kbir. U fejn irid jirbaħ bil-kbir biex jassigura li l-elezzjoni li jmiss jirbaħ b’marġni sostanzjali.
U fil-frattemp xejn ma qisu qed itappan il-mixja politika ta’ Abela, la l-allegazzjonijiet fuq Silvio Schembri jew inkella l-attakki ħorox minn ċerti blogers. Safrattant jidher li xi wħud minnhom biddlu d-diska u huwa rrappurtat fil-każ ta’ wieħed inpartikolari li lanqas jgħix Malta qed jiġi offrut direct order.
Anke d-diżgwid intern fil-Partit Laburista jidher li sfuma fix-xejn ħlief għal xi theddida ta’ riżenja bħalma kienet ta’ Mario Fava, il-President tal-kunsilli lokali u membru tal-eżekuttiv Laburista.
L-ewtanasja tista’ wkoll isservi ta’ legat politiku għal Abela.