Il-Pakistan tibgħat missili lejn l-Indja

Dan l-attakk sar wara li l-Indja attakkat ċertu bażijiet tal-ajru Pakistanjani, skont il-Pakistan

Il-Prim Ministru tal-Pakistan Muhammad Shehbaz Sharif (Ritratt: Uffiċju tal-Prim Minister tal-Pakistan)
Il-Prim Ministru tal-Pakistan Muhammad Shehbaz Sharif (Ritratt: Uffiċju tal-Prim Minister tal-Pakistan)

Il-Prim Ministru Pakistanjan Muhammad Shehbaz Sharif qal li nbgħatu missili li laqgħtu infrastruttura militari f’New Delhi f’attakk ta’ ritaljazzjoni. Hu ġġustifika dan l-attakk billi qal li allegatament l-Indja attakat ċertu bażijiet kruċjali tal-Pakistan, inkluż waħda viċin il-belt kapitali Islamabad.

Sharif qal li din kienet “risposta b’saħħita u kkoordinata lejn l-attakk mhux provokat mill-Indja,” u kompla jgħid kif l-attakki tal-Indja ħallew 11-il persuna mejta, inkluż minoreni, u 56 oħra mweġġgħa. 

Din il-kwistjoni ila għaddejja, bl-Indja takkuża lill-Pakistan li qed taħbi gruppi militanti Iżlamisti li qed jattakkaw Kashmir, reġjun bejn l-Indja u l-Pakistan. Kien hemm diversi attakki minn gruppi militanti f’dan ir-reġjun li ħoloq tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi ġirien.

Riċentament, fl-22 t’ April, militanti f’Pahalgam, raħal fir-reġjun ta’ Kashmir fin-naħa tal-Indja, fetħu n-nar f’destinazzjoni turistika. Tal-inqas 25 ċitadin Indjan u ċitadin Nepaliż mietu fil-massakru. 

Xhieda qalu li l-aggressuri bdew jattakkaw ċertu nies partikolarment, u anke akkużaw il-vitmin li kienu qed jappoġġjaw lill-Prim Ministru Indjan Narendra Modi. 

Il-gvern ta’ Modi neħħa l-awtonomija tar-reġjun ta’ Kashmir fl-2019, u b’hekk ir-reġjun waqa taħt il-kontrol ta’ New Delhi. Deċiżjoni kontroversjali li waslet għal ħafna protesti u dimostrazzjonijiet.

More in Politika