Il-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela stqarr li surveyor Malti tħalla jitla’ fuq il-vapur umanitarju Conscience wara attakk suspettat minn dron.
Waqt sessjoni fil-Parlament nhar it-Tnejn, Abela informa lill-Kamra li uffiċjali ta’ Transport Malta u rappreżentanti tal-Freedom Flotilla Coalition kienu qed jiddiskutu s-sitwazzjoni nhar il-Ħadd waranofsinhar.
Il-Prim Ministru spjega li għall-ewwel, ir-rappreżentanti tal-vapur qalu li kienu se jippermettu surveyor jitla’ abbord jekk il-vapur jingħata dħul awtomatiku fil-portijiet Maltin, talba li nċaħdet mill-gvern.
Imbagħad ir-rappreżentanti aċċettaw li surveyor jitla’ abbord jekk il-vapur jitħalla jidħol fl-ibħra territorjali Maltin, iżda l-Gvern irrifjuta dit-talba wkoll.
Fit-tielet rikjest, ir-rappreżentanti qalu li s-surveyor jitħalla fuq il-vapur biss jekk tliet persuni “li m’għandhomx konnessjoni” mas-sitwazzjoni jitħallew jitilgħu fuq il-vapur. Din it-talba wkoll ma ġietx milqugħa.
Fl-aħħar mill-aħħar,ir-rappreżentanti tal-vapur spiċċaw aċċettaw il-kundizzjonijiet tal-awtoritajiet Maltin u ppermettew lis-surveyor jitla’ abbord.
Abela ħabbar li s-surveyor magħżul mill-gvern Malti – Elio Desira – kien diġà qed iwettaq investigazzjoni waqt li kien qed jagħti l-aġġornament tiegħu fil-Parlament.
Sitt persuni abbord il-vapur ukoll tħallew jiżbarkaw il-vapur u jindaħlu Malta, fejn kienu mistennija jtiru lura lejn pajjiżhom fil-lejl tal-istess ġurnata.
Il-Prim Ministru rringrazzja wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech talli wera unità nazzjonali waqt din is-sitwazzjoni, u qal li apprezza telefonata li rċieva mingħandu l-Ħadd filgħaxija.
Abela kkonferma li saret laqgħa bejnu, Grech, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, il-Ministru tat-Trasport Chris Bonett u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, sabiex jagħtu aġġornament lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-aħħar żviluppi.
Grech, li wkoll indirizza lill-Kamra, kkonferma li l-laqgħa saret u qal li kien sodisfatt bl-informazzjoni li ngħata. Huwa saħaq li l-interess nazzjonali għandu jingħata prijorità u li l-Oppożizzjoni kienet imħassba bis-sitwazzjoni. Żied jgħid li jekk jiġi kkonfermat li l-vapur ġie attakkat skont kif inhu allegat, l-Oppożizzjoni se tikkundanna l-attakk bis-sħiħ.
Il-Conscience, li hi parti mill-grupp Gaza Freedom Flotilla Coalition, kienet fi triqtha lejn il-Gaża sabiex twassal għajnuna umanitarja. Dan waqt il-kriżi dejjem tiggrava fit-territorju Palestinjan.
Il-vapur ġarrab ħsara kbira f’attakk rrappurtat, allegatament minn dron, nhar il-Ġimgħa, li ħalla l-vapur mingħajr elettriku u b’ilma dieħel minn ġewwa. L-attivisti qalu li bħalissa ma jistax jibqa' fil-wiċċ u li jeħtieġ tiswijiet urġenti.
L-Uffiċċju għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti nhar il-Ħadd sejjaħ għal investigazzjoni indipendenti dwar l-attakk minn drone fuq il-vapur ta’ għajnuna umanitarja fil-qrib tal-ibħra territorjali Maltin.
“L-iskattar ta’ investigazzjoni kredibbli, imparzjali u effettiva hu essenzjali sabiex tiġi determinata r-responsabbiltà u tiġi żgurata l-kontabbiltà,” qal il-kelliem tad-drittijiet umani tan-NU, Thameen Al-Kheetan.