Il-PN jgħid li l-gvern għadu bla soluzzjonijiet reali għall-għoli tal-ħajja

Il-Partit Nazzjonalista jakkuża lil Robert Abela li għandu rasu fir-ramel, u kawża ta' dan il-poplu Malti u Għawdxi qed ikompli jbati għall-kriżi tal-għoli tal-ħajja

Il-poplu Malti u Għawdxi qed ikompli jbati għall-kriżi tal-għoli tal-ħajja għax Robert Abela jinsab rasu fir-ramel u ma jridx jagħti soluzzjoni ta’ bilħaqq għal din il-kriżi, il-Partit Nazzjonalista qal it-Tlieta filgħodu.

“Il-prezzijiet ta’ diversi prodotti qed ikomplu jogħlew. Dan apparti li qed ikompli jiżdied il-prezz ta’ xirja bażika: minn prodotti tal-ħasil sa frott u ħaxix, kollox qed jogħla fil-prezz,” il-PN kompla jgħid.

Skont il-partit, matul konferenza tal-aħbarjiet, Robert Abela qed jonqos milli jindirizza din il-problema bis-serjetà. Minflok Abela, jgħid il-PN, għadu qed jiftaħar bl-iskema “Stabbiltà” u ftaħar li ħoloq “ġlieda fil-prezzijiet bejn min se jraħħas l-aktar”.

Imma l-PN jemmen li r-realtajiet tal-familji Maltin bħalissa huma kompletament l-oppost.

“Il-Partit Nazzjonalista ilu xhur issa jesiġi għal bidla fid-direzzjoni għall-mod kif naffaċċjaw l-għoli tal-ħajja,” il-partit qal qabel ma elenka diversi proposti.

Fosthom semma li ż-żieda tal-COLA m’għandhiex tkun taxxabbli. Semma li hemm bżonn ta’ tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA.

Qal li għandu jkun maħluq fond nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt tal-għoli tal-ħajja.

Fl-aħħar semma wkoll li Malta tara li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.

“Il-Partit Nazzjonalista ilu x-xhur u s-snin jagħti s-soluzzjonijiet għal dan, bħat-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u li n-negozji għandhom jingħataw inċentivi meħtieġa.”

L-istqarrija qalet ukoll li t-tberbieq u l-kultura tax-xejn mhu xejn li “ħolqu Robert Abela u dawk ta’ madwaru” huma l-ankra li qed tniżżel lill-pajjiż ‘l isfel, bil-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna qed kull ma jmur tkompli titnaqqar fl-isfond “tas-serq u skandlu ta’ kuljum maħluq minn dan il-gvern stess”.

More in Politika