[Bil-Filmat] Abela jgħid li KM Malta għandu jkollha ekwipaġġ li jitkellem bil-Malti

Il-Prim Ministru Robert Abela jikkonferma li tkellem ma' KM Malta Airlines biex din il-klawżola tiġi reveduta

Il-linja nazzjonali tal-ajru, KM Malta Airlines, għandu jkollha ekwipaġġ li jitkellem il-Malti, il-Prim Ministru jgħid it-Tlieta filgħodu.

“Nistenna li l-ekwipaġġ fuq il-linja nazzjonali tal-ajru jitkellem bil-Malti,” hu qal jirrispondi għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

Il-Ħadd li għadda, fl-ewwel ġurnata li beda’ s-servizz ta’ KM Malta Airlines, il-gazzetta ILLUM żvelat kif l-istess linja tal-ajru, se tneħħi l-ilsien Malti bħala rekwiżit għal impjieg magħhom. 

Dan ifisser li għall-ewwel darba f’50 sena, l-ekwipaġġ tal-kabina tal-linja nazzjonali m’għandux bżonn ikun jaf jitkellem bil-Malti. 

Sorsi qrib il-Ministeru responsabbli mill-kumpanija l-ġdida KM Malta Airlines qal lill-gazzetta ILLUM li din kienet diskussa u maqbula mal-union tal-ekwipaġġ. 

“Ilha miftiehma,” qal is-sors, “dan biex inkunu konformi ma’ linji oħra tal-ajru low-cost.”  

Minkejja dan kollu, il-Prim Ministru qal lil ġurnalisti li huwa tkellem mal-kumpanija diġà dwar din il-kontroversja.

“Meta ntir bl-ajru nazzjonali, nistenna li l-ekwipaġġ ikellimni bil-Malti,” huwa kolma jgħid.

Huwa serraħ ras il-poplu, li wara t-taħdita li kellu, l-kumpanija se tkun qed tirrevedi l-kawżola li titlob dan, u “l-Malti se jkun qed jingħata l-importanza li ħaqqu.”

KM Malta Airlines ħadet post il-kumpanija Air Malta li għal 50 sena sħaħ kienet il-linja nazzjonali tal-ajru. 

Persuni li qabel kienu japplikaw għal xogħol mal-Air Malta bħala membri tal-ekwipaġġ kienu jkunu mitluba profiċjenza fit-taħdit, fil-kitba u fl-abbiltà li jaqraw l-avviżi, kemm bl-Ingliż, kif ukoll bil-Malti.

Fl-applikazzjoni nnifisha dan kien ikun miktub ċar, anke għal membri oħra tal-ekwipaġġ minn “swieq reġjonali,” iżda bbażati f’Malta. 

Il-kumpanija kienet tispeċifika wkoll li, minħabba n-natura tax-xogħol, il-ħakma tat-tielet lingwa fil-membri tal-ekwipaġġ, kienet apprezzata iżda mhux obbligata. 

More in Politika