L-ikbar tnaqqis ta’ permessi għall-bini kien fuq l-appartamenti

Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tindika li matul l-2023 ġew approvati total ta’ 8,112-il permess ta’ residenzi, tnaqqis ta' 15% mis-sena ta' qabel

Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tindika li matul l-2023 ġew approvati total ta’ 8,112-il permess ta’ residenzi. Dan kien ifisser tnaqqis ta’ aktar minn 15% mis-sena ta’ qabel. Barra minn hekk, l-ammont ta’ residenzi ġodda approvati, kien terz anqas mill-ammont li kien approvat fl-2019, qabel faqqgħet il-pandemija.  

L-akbar tnaqqis fir-rata li biha ġew approvati permessi kien għall-appartamenti. Hemmhekk, l-ammont naqas għal ftit aktar minn 7,000, jew 18% anqas mill-2022, u kważi 40% anqas mill-ammont rekord li kien approvat fl-2018. 

Fil-fatt, jekk wieħed jeskludi s-sentejn tal-pandemija, l-2020 u l-2021, l-ammont ta’ permessi approvati s-sena li għaddiet kien l-anqas wieħed mill-2016 ’l hawn. Bħala medja mill-2013 ’il quddiem, l-ammont ta’ residenzi approvati fis-sena kien ta’ 7,691, u l-ammont approvat is-sena li għaddiet kien biss ftit aktar minn din il-medja ta’ ħdax-il sena.    

It-tnaqqis fir-rati ta’ permessi approvati kien l-aktar sinifikanti fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, meta l-ammont ta’ permessi naqas b’37% fuq dak tas-sena ta’ qabel. L-istatistika uffiċjali tindika wkoll li mentri t-tnaqqis globali kien ta’ 15% matul l-2023 kollha kemm hi, f’Għawdex l-ammont ta’ permessi approvati naqas b’34%, jew b’aktar mid-doppju tal-medja nazzjonali. L-akbar tnaqqis kien osservat fit-Tramuntana tal-Port (Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi, Birkirkara, Ħamrun, Ħal Qormi...) fejn l-ammont ta’ permessi approvati kien 7% biss anqas minn dak ta’ sena qabel. 

F’Għawdex, l-ammont ta’ permessi approvati fl-aħħar kwart tal-2023 niżel taħt il-200 residenza għall-ewwel darba mill-pandemija ’l hawn, bi tnaqqis ta’ madwar nofs meta mqabbel mal-aħħar kwart tal-2022. 

Dan kollu jindika li s-suq qiegħed jibda jirrispondi għall-inċentivi li qiegħed ipoġġi l-Gvern biex minflok bini ġdid, l-enfasi ddur fuq l-użu ta’ propjetà eżistenti. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ inċentivi qawwija għal dawk li jixtru f’UCA jew propjetà vakanti, u li anke jinvestu fir-rinnovar ta’ tali propjetajiet.  

L-istatistika tal-permessi approvati tindika li mentri l-permessi għal residenzi ġodda qed tonqos b’rata sinifikanti, l-ammont ta’ permessi għal bidliet fi propjetajiet u rinnovar ta’ residenzi qed ikun ferm aktar reżiljenti. 

Barra minn hekk, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika nnota kif mentri fl-aħħar kwart tal-2022, kull permess approvat kien jinkludi medja ta’ madwar sitt residenzi għal kull permess, dawk fl-aħħar kwart tal-2023 kienu jinkludu medja ta’ erba’ residenzi għal kull permess.  

More in Politika