“Fis-saħħa għandu jkun hemm ġbid ta’ ħabel wieħed” – Stephen Spiteri

Elaine Camilleri tkellmet ma’ Stephen Spiteri, Eks Shadow Minister tas-Saħħa, li issa ħa l-kariga ta’ shadow minister għall-politika soċjali fi ħdan il-PN; Spiteri qasam magħna diversi punti b’rabta mas-saħħa u l-isfidi li qed jara dan is-settur, mhux biss mill-kappell ta’ politiku, imma anke mill-kappell ta’ tabib

Bħala politiku, dejjem kont, għadni u nibqa’ nagħti daqqa t’id fir-remit tiegħi ta’ tabib u politiku
Bħala politiku, dejjem kont, għadni u nibqa’ nagħti daqqa t’id fir-remit tiegħi ta’ tabib u politiku

Il-kura tas-saħħa għamlet avvanzi kbar imma int bħala tabib prattikanti ... x’tara li huma l-problemi li qed naffaċċjaw? U x’hemm bżonn isir biex dawn jiġu riżolti?  

Il-kura tas-saħħa għamlet avvanzi kbar u jekk taraha ġewwa pajjiżna, din ilna narawha snin sħaħ mingħajr ma waqfet. Barra minn hekk, waħda mis-sitwazzjonijiet li l-isptar qed jaffaċċja f’dik li hija kura ta’ servizzi u kif noffru l-kura tagħna hija relatata ma’ dan. Il-poplu Malti u Għawdxi sar iktar konxju ta’ saħħtu allura jmur l-isptar sabiex jieħu dak li hemm bżonn għal ħajja aħjar. 

Din nabbonaha mas-sitwazzjoni tal-popolazzjoni f’pajjiżna li qed toħloq domanda kbira.  

Naħseb li waħda mill-isfidi li pajjiżna ma laħħaqx magħha f’termini ta’ saħħa u kura hija dik tal-infrastruttura adegwata biex l-NHS (National Health Service) ikollha fejn toffri dak li suppost għandha toffri b’effiċjenza, bi kwalità u mingħajr ma jkollna nuqqas ta’ livell li dejjem ftaħarna bih. 

Kritika kostruttiva tiegħi hija li Mater Dei kien żgħir għall-popolazzjoni qabel l-2013, mela xi ngħidu għal-lum meta diġà għandna żieda fil-popolazzjoni u li l-poplu edukajnieh biex ifittex jieħu ħsieb aktar saħħtu?

Jien qed nara nuqqas kbir fejn il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jinqeda għall-aħjar u ma nistgħux nibqgħu nirriklamaw is-saħħa, imbagħad attwalment m’għandekx fejn tieħu s-servizz. Erba’ xhur ilu kellna reklam li kien ilu għaddej sitt xhur biex tieħu ħsieb u tinvesti fis-saħħa mentali tiegħek, imbagħad rajna sptar tas-saħħa mentali medjokri, b’servizzi nieqsa. 

Servizzi għall-problemi tat-tfulija u ta’ mġiba neqsin. Biex ikollok appuntament trid tistenna xhur għaliex m’hemmx riżorsi umani biex ilaħħqu mad-domanda.  

Suppost għandna l-Isptar San Luqa rinovat li kien ikun ta’ spalla b’saħħitha ħalli kemm jista’ jkun ikollna bilanċ. Iżda, naħseb li la issa tlifna l-ħin se jkollna nagħmlu outsourcing fi sptarijiet privati. 

Peress li llum għandna ħafna sptarijiet privati, il-Gvern jista’ jesterna (outsourcing) s-servizzi tiegħu. Din mhux l-ewwel darba li saret għaliex kien għamilha wkoll il-Partit Nazzjonalista (PN) meta kien fil-Gvern u qed jagħmilha l-Gvern preżenti. B’dan il-mod inaqqsu l-piż, la darba jkollna infrastruttura u spazji.  

Illum, wara xhur tistenna biex jarak konsulent fl-outpatients jgħidlek li għandek snin tistenna biex issir l-operazzjoni, bħal pereżempju biex tagħmel hip replacement. Meta tara l-affarijiet, loġistikament lanqas jagħmlu sens. 

Minn statistika tal-MRI ħareġ li hemm 15,000 pazjent jistenna – allura nuża r-riżorsi li għandu l-privat u nagħmel outsourcing biex innaqqas il-listi.  

L-aktar li rrid nirrimarka hi li mhux kulħadd jaffordja l-privat. Iridu naraw li l-NHS verament tkun qed tilqa’ l-bżonnijiet ta’ nies u familji li m’għandhomx idejhom komda fil-but biex imorru għand il-privat, jew biex jagħmlu operazzjoni fil-privat. 

Vera għandna l-NHS bla ħlas, għalkemm hija mħallsa mit-taxxi. Għalhekk hemm bżonn naraw fejn nonfqu l-flus għax fejn ikun hemm il-ħela, ħa jsofri ħaddieħor.  

Naċċetta l-kritika li l-Partit Laburista għamel li Mater Dei forsi kien ċkejken għal popolazzjoni ta’ dak iż-żmien. Naċċetta li sab l-isptar ta’ Għawdex b’certi nuqqasijiet, għax dik hija r-realta. Però, la għandna l-Isptar San Luqa lest, dan suppost kellu jkun ta’ spalla għax Mater Dei żgħir. Biex tgħaxxaq lanqas għandna sptar ġdid f’Għawdex meta qed ngħidu li l-isptar ta’ Għawdex ma sibniehx kif suppost.  

Kemm hi effiċjenti l-kura tas-saħħa fuq il-livell ta’ ċittadini normali li mhumiex privileġġjati? 

Min jaffordja privat ħa jkun iktar komdu. Jekk mar u nefaq ċertu ammont għand konsulent, is-servizz fil-privat jagħtik il-privileġġ li tinqeda mil-lum għal għada. Nagħmlu PPP (Public-Private Partnership) serji mhux bħalma kellna ma’ Vitals. Nużaw il-qasam privat fis-servizz tas-saħħa amalgamat ma’ dak tal-pubbliku mmexxi mill-Gvern u jkollna outsourcing ta’ ħafna servizzi illi ħa jagħtu effiċjenza.  

Il-privat talli tħallas ħa tieħu, għalhekk għandek iktar effiċjenza u servizz f’waqtu, li xi drabi m’intix ħa tieħdu mill-NHS bla ħlas. 

Il-Gvern ma jridx jikkompeti mal-privat, imma jimxi pass pass miegħu b’mod speċjali mas-saħħa; għaliex jekk se tikkompeti mal-privat dan se toħonqu. 

Ma naqbilx imbagħad li jkollna NHS profit-driven, bħalma pruvajna nagħmlu ma’ Steward u Vitals. Meta tara l-kuntratt, dawn il-kumpaniji bdew jaraw il-profitt li mbagħad nibdew naraw nuqqasijiet u servizzi inferjuri. 

Il-qasam tas-saħħa mhux talli nsegwih u naħdem fih, imma għandi viżjonijiet u proposti biex il-pajjiz jimxi ’l quddiem u biex is-settur tas-saħħa jnaqqas dawn ix-shortcomings li l-poplu qed ibati minnhom.  

It-tobba tal-lum huma l-istess bħat-tobba ta’ dari? 

Mhumiex l-istess f’dik li hija akkademja. Naturalment, maż-żmien, ix-xjenza tikber u kull ġenerazzjoni tgħallmet dak li huwa adegwat għal dak it-tali żmien. 

Il-professjoni medika dejjem kienet ta’ eċċellenza u anke barra minn pajjiżna. Għandna persuni jaħdmu barra minn Malta li qegħdin minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni bħalma hu l-qasam tal-mediċina. L-innovazzjoni u riċerka ġewwa pajjiżna hija nieqsa, il-Gvern tal-ġurnata għandu jinvesti u joħloq fondi apposta għaliex għandna xjentisti b’kisbiet ta’ innovazzjoni però barra minn Malta.  

Naħseb illi t-tobba ta’ dari kienu jinvestu ħafna f’dik li hija relazzjoni bejn il-klijent u l-professjonist – kien hemm ċerta għaqda bejn it-tabib u l-pazjent. Illum minħabba domanda kbira, ħafna tobba huma eżawsti u ma jlaħħqux mad-domanda. 

Fuq livell primarju, l-NHS kulħadd fgat bix-xogħol. Tant għandna popolazzjoni kbira, li anke l-barranin se jużaw is-servizzi tagħna.  

Il-kura primarja kienet tiftaħar li 80% hija servuta minn tabib tal-familja fil-privat. Illum il-ġurnata, it-tobba fil-privat qed jonqsu għaliex jagħżlu li jmorru l-NHS minflok. It-tobba l-ġodda qed imorru biex jimpjegaw ruħhom mas-servizz pubbliku għax għandhom struttura iktar adegwata, però għall-inqas ħajjithom jafu fejn hi. Fil-privat int taf tbati ftit iktar b’sagrifiċċju għal ħajtek. Din għandna nindirizzawha wkoll għax jekk se tkompli tnaqqar mill-privat, il-piż se jmur kollu fuq is-settur nazzjonali.  

Il-Gvern għandu jinċentiva lil tobba fil-privat biex pereżempju jkollhom public partnership mal-Gvern biex il-prattika tagħhom tevolvi b’tali mod li jistgħu jsiru intrapriża. Mhux taħdem bħala tabib waħdek iżolat, imma jkunu bħal negozji oħrajn. U hemmehkk it-tobba jieħdu n-nifs ukoll. Wara kollox anke jekk inkun fil-privat, inħoss li qed nagħti kontribut fis-saħħa nazzjonali għax jekk ġew pazjenti għandi ħadt responsabbiltà jien. Hemm ħafna fejn timraħ.  

Meta tħares lura, fuq livell politiku x’taħseb li kienu l-akbar rakkomandazzjonijiet li imbuttajt il quddiem rigward is-saħħa? 

Sfida li pajjiżna għadda minnha u nħossni kuntent li kkontribwejt fiha hija l-pandemija tal-Covid. Għamilt xogħol siewi fis-sens li ħassejtni obbligat. Ħdimt ħafna mal-Ministru Chris Fearne għax din kienet pandemija nazzjonali u kien hemm bżonn li jkollna ħabel wieħed. Fis-saħħa għandu jkun hemm ġbid ta’ ħabel wieħed, għax fl-aħħar mill-aħħar il-pazjent jiġi l-ewwel.  

Tajt kontribut nazzjonali u diversi liġijiet inkluż il-liġi tal-IVF meta daħħalna l-PGT (Pre Implantation Genetic Testing). Jien kont strumentali u konna kawti biex kemm jista’ jkun nosservaw il-ħajja umana sa mill-bidu ħalli fl-abbozzi tal-liġijiet ma jiġix kollox laxk.   

Qabel l-elezzjoni ġenerali kont ressaqt proposti b’saħħithom illi wħud minnhom implimentahom anke l-Gvern. Waħda minnhom kienet illi tingħata l-kimoterapija ambulatorja fejn pazjent tal-kanċer m’għandux għalfejn imur l-isptar għal siegħa u nofs, fejn dan jista’ jsir mid-dar. Għandek inqas skumdità għall-pazjent, inqas sodod okkupati għax b’hekk tista’ tingħata lill-pazjent li għandu iktar bżonn. Jien qed inħares ’il quddiem għax hemm diversi mumenti ta’ trattamenti oħra li jistgħu jingħataw id-dar, bħal pereżempju minn għandu kanċer fis-sider – il-herceptin. 

Kont issuġġerejt ukoll illi noħolqu arranġamenti bilaterali fost il-pajjiżi Ewropej, fejn mhux biss ikollna ekwalità fiskali, imma bħall-Ġermanja u Spanja, dawn għamlu breakthrough  f’ċerti trattamenti. Nemmen li aħna għandna nirranġaw magħhom u nibagħtu pazjenti għall-kura hemmhekk.  

Proposta oħra soċjali u medika li kont issuġġerejt u ilni nressaqha għal tliet leġiżlazzjonijiet tittratta pensjonanti anzjani. Kont issuġġerejt li fejn għandna anzjani pensjonanti bi dħul baxx, il-Gvern jista’ jara u joffrilhom l-opportunità li jibqgħu jinqdew mit-tabib privat tagħhom minflok imorru fiċ-ċentri tas-saħħa fejn illum sibt tabib u għada sibt ieħor. Stajna noħolqu sistema fejn jingħata servizz mit-tobba fil-privat lil dawn l-anzjani. L-ewwel nett tneħħi t-tagħbija minn fuq tabib fis-servizz nazzjonali, it-tabib tal-privat ikun jaf x’testijiet se jagħmel u jkun ta’ sodisfazzjon anke għall-pazjent kif ukoll għat-tabib.  

Il-ftehim kollettiv se jsolvi l-problemi ta’ understaffing? 

Ma naħsibx, le. L-understaffing għandu jkun solvut minn viżjoni fit-tul fejn aħna nibdew mill-bankijiet tal-iskola. Aħna rridu nattiraw aktar studenti biex jidħlu fil-qasam tas-saħħa. Tattirahom billi l-ewwel nett tgħallimhom x’inhu s-suġġett. Turihom x’inhuma l-vantaġġi. Turihom dak li hu vokazzjonali bħala tagħlim, imbagħad naturalment tattirahom b’pagi diċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol b’saħħithom biex dawn imbagħad ma jħossuhomx inferjuri minn ħaddiema oħrajn.  

Bħala politiku tat-tieni distrett, il-kariga ta shadow minister tal-politika soċjali hija waħda sinifikanti? 

Hija sinifikanti ħafna. Din teħodni lura fl-istorja għaliex jien ilni fil-Parlament, ilħaqt il-leġiżlatura ta’ Dr Gonzi, meta l-PN kien fil-Gvern. Jien kont abbonat ma’ Dolores Christina u kellna s-social policy parti mill-ministeru tagħna. Dakinhar Gonzi kien għamel ftit ministri u taħtna kellna diversi oqsma, fosthom tal-edukazzjoni, tad-diżabilità, tal-impjiegi u l-housing ukoll. Jiġifieri jien trawwimt hemmhekk. Ħadt l-esperjenza u d-distrett rawwimni wkoll biex nagħraf il-ħtiġijiet soċjali u tal-familji, u individwi li jgħaddu minn sitwazzjonijiet vulnerabbli u dawk li huma marġinati, li għandhom bżonn l-għajnuna. 

Bħala politiku, dejjem kont, għadni u nibqa’ nagħti daqqa t’id fir-remit tiegħi ta’ tabib u  politiku b’mod speċjali fejn jidħlu l-bżonnijiet soċjali. Din hija xi ħaġa li jien ngħożżha għax kważi hija mnissla fija.  

Kemm taħseb li huwa rilevanti u effettiv meta l-Partit Nazzjonalista jipproponi lilu nnifsu bħala gvern alternattiv? 

Jien naħseb li l-Gvern Nazzjonalista huwa għaddej minn trasformazzjoni li ilha għaddejja snin u ma niskantax biha għaliex il-politika mhux lakemm tfaqqa’ subgħajk u tagħmilha. Naturalment, ħafna snin narawhom twal, però meta tillimitahom f’viżjoni politika, tarahom ġranet.  

Għalkemm il-PN ilu snin għaddej jikkumbatti l-isfidi biex isib saqajh u jsib politiċi adattati, biex ikollna reshuffle, u biex ikollu kap, fl-aħħar mill-aħħar dan it-taqlib ħa jsarraf f’xi ħaġa li hija alternattiva għall-Gvern. Ħa jsarraf bħala viżjoni. Ħa jsarraf bħala triq ’il quddiem. Ħa jsarraf bħala politika kif tassew għandha tkun għan-nies u fuq kollox li nagħmlu lil Malta aħjar.  

More in Politika