‘Effetti negattivi fuq il-ħaddiema u l-istudenti minħabba r-ras iebsa tal-Gvern’ - Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern Laburista li ‘rasu iebsa’, filwaqt li saħaq li l-Gvern għandu jidentifika l-bżonnijiet ta’ dawn il-ħaddiema u jmur lura fuq il-mejda ta’ diskussjonijiet

“Il-Gvern Laburista jibqa’ jirreżisti t-talba tal-UĦM u tal-MUT rispettiviament għall-finalizzazzjoni tal-ftehim kollettiv li ilu li skada sentejn.”

Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fejn fiha akkuża lill-Gvern Laburista li għandu ras iebsa u konsegwentament din qed twassal għal azzjoni industrijali mill-unions.

Dan wara li l-UĦM (Union Ħaddiema Maltin) ordnat direttivi għall-ħaddiema amministrattivi, tekniċi u industrijali tal-Università ta’ Malta, filwaqt li fl-MCAST hemm fis-seħħ azzjonijiet mil-letturi ordnati mill-MUT (Malta Union of Teachers).

Skont il-Partit Nazzjonalista “Dan minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-Gvern biex jipprijoritizza lil dawn il-ħaddiema essenzjali fis-sistema edukattiva.”

Diversi studenti tal-MCAST jinsabu ffrustrati minħabba li qed jitħallew fid-dlamm fuq kif sejrin fil-kors tagħhom, minkejja li m’għandhomx x’jaqsmu mad-diżgwid li hemm preżenti.

L-istqarrija tkompli tgħid kif il-Gvern ħoloq problema ‘bla bżonn’ u wara ‘xejjer il-bandiera tas-suċċess’ meta jsolvi problema li ħalaq hu stess.
“Il-fatt li l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandux ħjiel li jidentifika l-urġenza ta’ din is-sitwazzjoni u l-importanza ta’ dawn il-ħaddiema juri biċ-ċar li l-Gvern m’għandux il-prijoritajiet tiegħu” saħaq il-Partit Nazzjonalista.

Finalment il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern għandu jidentifika l-bżonnijiet ta’ dawn il-ħaddiema, kif ukoll il-kontribut tagħhom fis-sistema edukativa, u jerġa’ jmur lura fuq il-mejda tad-diskussjonijiet

Din l-istqarrija ġiet iffirmata mill-MP Ivan Castillo u Justin Schembri, Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista u TeamStart.

More in Politika