L-ADPD tonora lil Raymond Caruana f'għeluq is-37 anniversarju mill-qtil traġiku

L-ADPD fakkret dan l-anniversarju u żaret iċ-ċimiterju tal-Gudja fejn hu midfun Raymond Caruana

L-Alternattiva Demokratika (ADPD) fakkret is-37 anniversarju mill-mewt traġika ta’ Raymond Caruana filwaqt li sejħet għal viġilanza kontra l-mibgħeda u l-vjolenza.

Fi stqarrija, l-ADPD seħqet li huwa importanti li nibqgħu niftakru dawn il-ġrajjiet traġiċi li jfakkruna fuq l-importanza tad-demokrazija vera lilhinn mit-tribaliżmu bla raġuni li tikkaratterizza l-politika Maltija. Komplew jgħidu kif it-tribaliżmu mhux ibbażat fuq id-diskussjoni u fuq il-konfront tal-ideat, imma huwa bbażat fuq it-tkeskis, u fuq il-ġustifikazzjoni ta’ mġieba politika ħażina.

Dan filwaqt li semmew vittmi oħrajn fosthom Karin Grech, li mietet permezz ta’ ittra bomba, Daphne Caruana Galizia, li mietet permezz ta’ bomba ġol karozza li kienet qed issuq u Lassana Cisse, li miet wara li qala tiri minn karozza li għaddiet minn ħdejh.

Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci saħqet fuq l-importanza li niftakru ġrajjiet bħal dawn, biex inżommu f’moħħna li d-djalogu u d-diskussjoni għandhom ikunu u jibqgħu l-pern tal-proċess demokratiku. Hija kompliet tgħid kif il-vjolenza u azzjonijiet li jwasslu għaliha, inkluż il-mibgħeda u t-theddid online, qatt ma jistgħu jitħallew jgħollu rashom.

Raymond Caruana, li kellu 26 sena, safa vittma ta’ sparatura fatali fil-5 ta’ Diċembru, 1986, waqt li kien qed jattendi attività ta’ ċelebrazzjoni. Tlettax-il tir ġew sparati lejn il-każin minn vettura li kienet għaddejja, li rriżultaw fil-mewt traġika ta’ Caruana. Minkejja l-inċident, l-ebda individwu qatt ma nstab ħati tal-qtil.

Flimkien ma’ Gauci kien hemm is-Segretarju Ġenerali Ralph Cassar u d-Deputat Chairperson Mina Jack Tolu.

More in Politika